Friday, December 27, 2024

“F’din il-Kamra, Malta trid tiġi qabel il-partiti politiċi” 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ddikjara li fil-Kamra tar-Rappreżentanti, Malta trid tiġi qabel il-partiti politiċi. Huwa qal li dan hu l-messaġġ li dawk il-15% tal-poplu Malti u Għawdxi li għażlu ma vvutawx fl-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li għadda qegħdin iwasslulhom.

Huwa beda d-diskors tiegħu billi awgura lil Anġlu Farrugia għall-ħatra tiegħu bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u lill-membri parlamentari kollha li ġew eletti u awgura li s-snin li ġejjin ikunu iktar produttivi biex ikomplu jagħmlu l-ġid b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa qal li l-proċess demokratiku ħadem b’mod trasparenti u mingħajr wisq kontroversja. Kien hawn fejn irringrazzja lill-mijiet ta’ eluf ta’ votanti li pparteċipaw bis-sħiħ fl-elezzjoni. Fl-istess ħin huwa għamel referenza wkoll għamel referenza għall-15% tal-poplu li għal xi raġuni jew oħra għażlu li ma jiħdux sehem f’dan l-eżerċizzju demokratiku.

Fearne qal: “Irridu naraw jekk dawk l-eluf li għażlu li ma vvutawx kienx minħabba apatija politika fil-pajjiż jew minħabba raġuni oħra, jew jekk ridux jagħtu xi messaġġ lill-klassi politika.

“Issa għandna leġiżlatura ġdida. Irridu nkunu ċerti li b’dak li nagħmlu nispiraw il-kunfidenza u nispiraw li n-nies iħarsu lejn il-politika bħala għodda tal-ġid, ta’ għaqda u ġġib ‘il quddiem lil pajjiżna.

“Din l-isfida li 15% tal-poplu tefa’ quddiemna rridu nqumu għaliha u għandna opportunità li għandna leġiżlatura ġdida quddiemna. Jiena nawgura politika matura għax huwa ċara li l-poplu hekk għażel. Il-poplu għażel li niġbdu ħabel wieħed u naħdmu kollha flimkien għal Malta tagħna.

“Jibqa’ l-fatt li f’din il-Kamra, Malta trid tiġi qabel il-partiti politiċi. Dan huwa messaġġ li dawk il-15% tal-poplu li ma vvutaw qed iwasslulna,” tenna Fearne. 

Huwa qal li ninsabu fortunati li f’Malta m’għandniex firdiet ta’ razez, ta’ reliġjon, ta’ lingwa jew ta’ tribujiet. Saħaq li m’għandhex tkun il-politika li toħloq il-firdiet fittizji u artifiċjali, iżda din għandha tkun l-għodda li ġġibna kollha flimkien.

Fearne rringrazzja wkoll lill-President tar-Repubblika tad-diskors tiegħu li qal li kien jirrifletti l-politika tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin kif espressa fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Huwa fakkar kif il-President semma li kull bidu jġib miegħu arja friska, entużjażmu, enerġija ġdida u ħolm għal li ġej. 

Qal li huwa minnu li din hija t-tielet leġiżlatura infila tal-Partit Laburista iżda huwa minnu wkoll li dan huwa mandat ġdid. Qal li l-ħarsa tagħna trid tkun lejn il-futur. “Il-politika ta’ aħna u huma spiċċat. Illum l-isfidi l-ġodda li għandu l-pajjiż mhumiex sfidi ta’ sezzjoni kontra oħra imma ta’ Malta kollha. L-isfida tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, tar-reżistenza tal-mikrobi kontrra l-antibajotiċi.”

“Dan huwa l-arja ġdida li jrid ikun hawn f’dan il-parlament li naħdmu bħala Maltin milli bħala partit jew ieħor. Ir-responsabbiltà aħħarija taqa’ fuq il-Gvern imma kollettivament irridu naħdmu bħala pajjiż wieħed.

Fearne semma wkoll kif illum ressaq l-ewwel qari tal-emendi tal-liġi l-ġdida tal-IVF b’enerġija u entużjażmu biex nagħtu aktar opportunitajiet lil aktar nisa jsiru ommijiet, lil aktar irġiel isiru missirijiet u li jkollna aktar nanniet.

Huwa żied jgħid li: “l-bidu ġdid iġib ħolm għal li ġej. Għadna kemm għaddejna minn sentejn ibsin ta’ pandemija. In-numri reġgħu niżlu llum għall-ewwel darba f’aktar minn xahrejn kellna inqas minn 100 każ. Kollox jindika li l-immunità li għandna fil-komunità, bit-tilqim li tajna, il-pandemija b’għaqal u għaqda flimkien irnexxielna noħorġu minnha tajjeb.

“Għada se jkollna l-opportunità li nisimgħu u nirrispondu għad-diskors tal-President Ukren. Il-gwerra fl-Ewropa għandha l-effetti wkoll però konvint li bħalma rnexxielna ngħaddu tajjeb waqt il-pandemija, waqt il-gwerra wkoll insibu soluzzjonijiet għaliha u f’dawn iż-żminijiet diffiċli nkomplu noħolmu kbir għal pajjiżna.”

Ekonomija

Sport