Tuesday, December 24, 2024

Fearne jappella lill-mexxejja tas-saħħa biex jingħaqdu flimkien għall-ġid tal-kura tas-saħħa universali

Aqra wkoll

Fl-ewwel indirizz tiegħu bħala President tas-76 edizzjoni tal-Assemblea Dinjija għas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella lill-mexxejja tas-saħħa biex jingħaqdu flimkien u jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa sabiex il-popli kollha jkollhom l-istess aċċess għall-iżviluppi fil-qasam tas-saħħa u fil-qasam tal-farmaċewtika, irrispettivament mill-pajjiż jew kontinent li jgħixu fih.

Huwa fakkar li l-prinċipju tal-kura tas-saħħa universali għal kulħadd huwa wieħed mis-sisien tal-ħidma tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, u għalhekk għalkemm il-politika fil-qasam tas-saħħa hija normalment kompetenza nazzjonali, huwa d-dmir ta’ kull mexxej li jara li ħadd ma jaqa’ lura.

“Raġuni prinċipali għall-iżbilanċ fil-livell ta’ kura tas-saħħa offruta bejn reġjun u ieħor tad-dinja hija l-aċċess inugwali għall-mediċini ta’ kwalità tajba u innovattiva. Is-sistema preżenti tad-distribuzzjoni tal-mediċini qiegħda tfalli lil miljuni ta’ ċittadini u għalhekk għandu jkun ta’ interess għall-mexxejja kollha li tinstab soluzzjoni,” tenna l-Ministru għas-Saħħa Fearne.

Id-Deputat Prim Ministru ġab eżempju bil-COVID-19, li wriet lid-dinja li l-mard ma jillimitax ruħu għall-konfini ġeografiċi, u li huwa meta d-dinja tingħaqad u tiġbed ħabel wieħed li l-isfidi mediċi jingħelbu. Għalhekk, appella sabiex bl-istess mod magħqud jiġu indirizzati sfidi oħra fil-qasam tas-saħħa, bħalma hija r-reżistenza għall-antimikrobji li hija kawża oħra li jisħaq kontinwament fuqha d-Deputat Prim Ministru fil-fora internazzjonali.

Il-Ministru Fearne għalaq l-ewwel messaġġ tiegħu bħala President tal-Assemblea fuq nota pożittiva, fejn fakkar lill-194 mexxej/ja preżenti li bħala membri attivi tal-WHO hemm ħafna x’reġjun jista’ jitgħallem minn ieħor, kemm mis-similaritajiet iżda wisq aktar mid-differenzi, u għalhekk sostna li huwa kunfidenti li l-futur tal-organizzazzjoni u taċ-ċittadini tagħha huwa wieħed prosperu.

Ekonomija

Sport