Monday, April 22, 2024

FEJN TĦOBB IL-QALB

Aqra wkoll

Ħdax il-sena wara ir-referendum dwar id-divorzju, l-elementi konservattivi fil-pajjiż għadhom isostnu l-istess retorika. Għadhom jitkellmu dwar żwieġ esklussiv bejn mara u raġel u kif kull xorta ta’ żwieġ ieħor suppost inaqqar il-valuri u il-prinċipji tal-familja. L-esperjenza – imma anke l-istatistika – fl-aħħar snin urietna xorta oħra, l-imħabba rebħet fuq il-biża’. 

Il-ġimgħa li għaddiet laqatni ħafna artiklu li kiteb l-eks MP Nazzjonalista Edwin Vassallo fuq dak li hu jemmen li huwa il-valur tal-familja. Laqatni mhux għax qbilt wisq ma dak li nkiteb imma għax irnexxilu jnissilli sens ta’ deja-vu qawwi għad-diskors ta’ biża’ li kien jitwassal mil-forzi konservattivi f’pajjiżna ftit snin ilu.

Bejn Progress u Populiżmu 

Fost l-oħrajn l-artiklu jisħaq illi il-prinċipju tal-familja qiegħed jiġi mhedded, illi id-definizzjoni ta’ familja hija waħda bejn mara u raġel miżżewġin u bl-ulied. Saħansitra Vasallo saħaq li kull liġi magħmula ‘l barra minn dawn il-kriterji hija riżultat ta’ politika populista u waħda li ma tkunx ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri.

F’dan ir-raġunament toħroġ ċara l-antipatija għall-progress tal-konservattivi. Qabel kollox, id-drittijiet ċivili li jġibu bidliet soċjali radikali dejjem issiru kontra l-kurrent. Storikament dejjem kellhom bżonn element qawwi ta’ konvinċiment demokratiku minn minoranza li jissieltu għal drittijiet ugwali bħal maġġoranza. Fin-natura tiegħu dan il-proċess huwa kollox barra populista. 

Anke f’Malta, iż-żwieġ bejn koppji omosesswali pereżempju u d-dritt għall-adozzjoni minn dawn il-familji ma kellhomx l-appoġġ tal-maġġoranzi. Id-deċiżjonijiet politiċi li ttieħdu f’dan ir-rigward ittieħdu minkejja ir-riskju li jintilfu il-voti u mhux bil-maqlub.

Il-Prinċipju tiegħu aqwa minn tiegħek 

L-argument li ġab Vassallo jimplika wkoll illi deċiżjonijiet li ma jirrispettawx il-ħsieb tradizzjonali ta’ familja magħmula minn mara u raġel bl-ulied iwasslu għal tnaqqir fil-moralità tas-soċjetà. Hawn fejn joħroġ l-eletiżmu naturali fil-ħsieb konservattiv. 

Dan l-argument jimplika li s-soċjetà li timxi maż-żminijiet trid xorta waħda tibqa ankrata mal-ħsibijiet tal-konservattivi għax qisu dawn il-‘prinċipji’ huma moralment superjuri fuq oħrajn. Il-konservattivi għandhom dritt jaħsbu li d-definizzjoni ta’ familja hija waħda tradizzjonali imma din hija biss opinjoni mhux prinċipju divin li ma tistax targumenta kontrih.

Jien nemmen li dak li jiddefinixxi familja mhux il-forma imma is-sustanza. Mhux il-ġeneru tal-kopja imma l-imħabba ta’ bejniethom. 

Aktar progress ‘il quddiem

Tajjeb illi wieħed jinnota li Edwin Vassallo baqa’ konsistenti mal-ħsibijiet tiegħu. Għall-kuntrarju ta’ ħafna li jaħsbuha eżatt bħalu, ħafna minnhom sa ftit xhur ilu kienu jpoġġu fil-bankijiet ta’ ħdejh fil-parlament, Vassallo qatt ma staħba milli jgħid x’jaħseb. Anke jekk ma nista’ qatt naqbel miegħu, namirah għall-konsistenza u l-onestà tiegħu. Fil-fatt ikun żball jekk naħsbu li din hija opinjoni tiegħu biss. Ħafna f’pajjiżna għandhom l-istess opinjoni u iva, għandhom kull dritt jaħsbuha hekk wkoll.

Huwa proprju għalhekk li kull minn għandu għal qalbu l-progress soċjali ma jistriehx fuq is-suċċessi tal-passat. Importanti ħafna li niftakru minn fejn tlaqna imma importanti aktar li nimirħu ‘l quddiem u naspiraw għal dejjem aktar drittijiet ċivili li jassiguraw l-ugwaljanza u opportunitajiet indaqs għal kull persuna f’pajjiżna.

L-anqas rata ta’ divorzju fl-Ewropa

L-istess diskors kien jingħad waqt il-kampanja tad-divorzju. Kemm beżżgħuna li se jisfaxxaw familji? Kemm beżżgħuna li se jkun hawn mewġa ta’ divorzju, bħal li kieku kull min jieħu dawn id-deċiżjonijiet, jiħodhom hekk, kif ġieb u laħaq.

Illum, 11-il sena mid-dħul tad-divorzju, Malta għandha l-anqas rata ta’ divorzju fl-Ewropa kollha. Anqas minn 0.5 każijiet għal kull elf persuna u ħames darbiet anqas mill-medja Ewropea.

Il-biża’ mill-babaw ma waslet imkien.

Sport