Matul il-lejl li għadda, eżatt għall-ħabta tas-2.30am seħħ fenomenu naturali fejn ġie rrapportat mewġ mhux tas-soltu tul il-kosta f’Marsaskala u anke fil-bajja tax-Xemxija.
Jirriżulta li dan il-fenomenu dam għaddeja għal madwar sagħtejn fejn ammont kbir ta’ ilma baħar spiċċa fuq ix-xtajtiet u anke fit-toroq bil-konsegwenza li kien seħħew xi ħsarat.
Dan il-fenomenu hu magħruf bħala l-milgħuba. Skont is-sit It-Temp Madwarna l-mewġ jibda jilgħab ‘il fuq (mili) u ‘l isfel (frugħ) f’għoli ta’ madwar metru għal perjodu ta’ ħin.
Dan iseħħ minħabba bidla drastika fil-pressjoni atmosferika fuq żewġ punti, (node vs anti-node) qrib xulxin fil-baħar stess. Dan it-tbandil (oxxillazzjonijiet) iseħħ ukoll minħabba li l-bajja tkun pjuttost magħluqa.
“Dan il-fenomenu (li ġieli jissejjaħ ukoll tsunami atmosferiku) mhuwiex daqstant rari u jista’ jseħħ kemm fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp. Komuni ħafna wkoll fil-bajja tal-Mellieħa u fil-kosti tal-Imsida, San Ġiljan u anke Birżebbuġa u Marsaxlokk.” inkiteb fis-sit it-Temp Madwarna.