Saturday, December 21, 2024

FERĦA BLA TEMMA

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa meta mistoqsi meta se ssir l-elezzjoni, il-Prim Ministru ħabbar li ser issir is-sena d-dieħla. Jidher li l-Partit Nazzjonalista ma tantx ħa gost b’din l-aħbar, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u figuri oħrajn kważi kważi jattakkaw din id-deċiżjoni.


Bernard Grech, qalilna li kien Robert Abela li b’mod irresponsabbli żamm id-dubju għaddej. L-istess għamlu esponenti ewlenin oħrajn tal-Partit Nazzjonalista. Meta qrajt x’kitbu dawn l-esponenti, ma stajtx ma nitbissimx. Wara kollox, Robert Abela diġa kien qal li mhux ser issir elezzjoni bikrija fl-2020. Imma mhux biss tafux? Reġa’ qal l-istess fil-bidu tal-2021, f’Ġunju tal-2021, u anke f’Settembru ta’ din is-sena. Issa reġa qal bejn wieħed u ieħor l-istess ħaġa f’Ottubru wkoll.


Imbagħad, bil-wiċċ tost kollhu jiġu esponenti tal-Partit Nazzjonalista jgħidulna li kien Robert Abela li żied l-inċertezza. Le. Jekk xejn kienu huma permezz tal-media tagħhom li komplew jimbuttaw in-narrattiva li kienet ġejja elezzjoni fl-2021, forsi anke għax għadhom b’esperjenza qarsa mill-2017 u din id-darba riedu jkunu preparati. Wisq nibża pero’, li n-Nazzjonalisti spiċċaw jemmnu n-narrattiva tagħhom stess, u daħlu f’election mode kmieni wisq. Ngħiduha kif inhi, dejjem tajjeb u sabiħ li tkun preparat minn qabel. Imma meta tipprepara trid tara li tkun kapaċi żżom il-momentum, u mhux li titla’ ħafna f’daqqa umbagħad tieħu tisbita l-isfel.


Minn dak li qed nara, jidher li hekk għandu riskju li jiġrilu l-Partit Nazzjonalista. Beda bil-kampanja tiegħu, beda jonfoq u beda wkoll jipproduċi l-materjal. Forsi tgħiduli x’hemm ħażin b’daqshekk? M’hemm xejn ħażin kieku. Imma huwa wkoll sigriet magħruf li l-qagħda finanzjarja tal-PN hija waħda miżera, u allura bilfors ikollok taħseb li l-PN ingidem mil-logħoba tiegħu stess meta tara dak li qed jiġri bħalissa, u li żied id-dejn kemxejn għalxejn.


Fl-aħħar nett, il-verità hi li l-inċertezza ma ħoloqiex Robert Abela. L-inċertezza ħoloqha l-PN, u mhux talli hekk, talli spiċċa jemmen l-għajdut tiegħu wkoll. Hija verament tad-daħk li jiġu esponenti jippuntaw subgħajhom lejn Robert Abela f’dan ir-rigward. Jekk xejn, għal kull saba’ li jippuntaw, għandhom erbgħa jħarsu lejhom. Parir wieħed għandi għal dawn in-nies: Jekk intom dilettanti, tilgħabuhiex ta’ professjonisti. In-nies ser tispiċċa tinduna verament x’intkom, u meta jiġri dan, ser tispiċċaw agħar milli kontu oriġinarjament. Tislijiet lil kulħadd.

Ekonomija

Sport