Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-regatta?
Ir-regatta kienet f’ħajti sa minn meta kont żgħira. Meta kelli biss tmien snin, missieri kien fil- kumitat tar-regatta ta’ Bormla u tista’ tgħid li kienet parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum li ninżlu l-klabb. Minn dak iż-żmien qatt ma qtajt li nkun preżenti għal kull regatta li ssir sakemm imbagħad inħolqot ir-regatta tan-nisa u ddeċidejt li nieħu sehem jien ukoll.
X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibtu bħala Marsamxett Regatta Club?
Ferħana ħafna li rnexxielna nġibu x-Shield tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien tan-nisa għall-ewwel darba ġo Marsamxett.
Xtaqt ukoll ngħid grazzi lill-klabb tal-Birgu li laqgħuni għax nista’ ngħid li kienu l-isbaħ tliet snin għalija personali f’dan l-isport. Issa nħarsu ‘l quddiem għall-esperjenza tagħna mal-klabb ta’ Marsamxett, nibqgħu nittrenjaw u ovvjament nixtieq li nġibu l-istess riżultati ma’ dan il-klabb ukoll.
X’tikkummenta fuq l-involviment tan-nisa fir-regatta?
Fl-opinjoni tiegħi, li tkun mara dejjem għandek aktar sfida speċjalment jekk ikollok it-tfal bħali. Min isegwi r-regatta kulma jara ftit minuti biss, fil-każ tagħna forsi ftit aktar minn tmien minuti imma wara dak il-ftit ħin hemm sena sħiħa ta’ sagrifiċċju imma jekk tkun dixxiplinata f’dak li tagħmel tasal żgur u naħseb li bħala nisa fir-regatta qed jikber l-interess speċjalment dir-regatta li għaddiet kien hemm tista’ tgħid id-distretti kollha armati biex jieħdu sehem u nħeġġeġ aktar nisa biex jinteressaw ruħhom f’dan l-isport ħalli t-tiġrija tan-nisa tkompli dejjem tikber.
X’tikkummenta fuq l-organizzazzjoni tar-regatta f’pajjiżna?
Kien hemm żmien fejn ir-regatta bdiet sejra lura ħafna imma għalkemm naħseb li baqa’ xi jsir, matul dawn l-aħħar snin għamlet avvanz kbir fejn tidħol organizzazzjoni u anke reklamar.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fir-regatta?
Dawn l-aħħar tllet snin fir-regatta kienu mill-isbaħ għalija. Importanti li nkompli nżomm saqajja mal-art u nibqa’ naħdem għal dak li verament inħobb u ovvjament nixtieq li l-futur ikompli jkun ta’ suċċess għalija f’dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jibdew jieħdu sehem fir-regatta.
Inħeġġeġ lil dawk in-nisa kollha biex ma jaqtgħux qalbom jibdew jieħdu sehem fir-regatta. Illum kważi kull klabb għandu l-akkademja tiegħu għal dawk kollha li jkunu jixtiequ jibdew jitgħallmu. Ir-regatta hu sport sabiħ u mhuwiex tal-irġiel biss u nixtieq ħafna li n-nisa jibdew jersqu aktar lejn dan l-isport. Għalkemm diġá hawn ħafna tfajliet li qed juru interess, nemmen li baqa’ aktar x’naħdmu biex inkomplu nkabbru t-tiġrija tan-nisa fir-regatta f’pajjiżna!