Friday, November 15, 2024

Fgura U. jilħqu ftehim ma’ Foggia Calcio  biex ikun hemm kollaborazzjoni reċiproka fuq bażi teknika

Aqra wkoll

Fgura United Football Club għadu kemm laħaq ftehim ma’ Foggia Calcio 1920 sabiex ikun hemm kollaborazzjoni reċiproka fuq bażi teknika. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa wara nofsinhar fil-club ta’ Fgura United FC, il-president Larkin Bonnici tkellem f’aktar dettall dwar dan il-ftehim li se jkun qed jiffoka fuq prinċipji u ideoloġiji tekniċi u li minnu se jibbenefikaw il-coaches u l-players.

Talk.mt tkellem ma’ Bonnici fejn saħaq fuq il-fatt li dan il-ftehim hu iktar intiż li jkun wieħed tekniku u m’hemm xejn kummerċjali fih.

“Dan il-ftehim se jkun qed jaħdem fuq diversi binarji partikolari fosthom l-ambjent tekniku b’kowċis minn tagħna li se jkunu qed jagħmlu skambju fejn huma jmorru hemmhekk filwaqt li oħrajn minn Foggia Calcio jiġu hawnhekk.”
Sadanittant matul dan tmiem il-ġimgħa qed isiru diversi workshops minn tliet kowċis tat-tim Taljan u se jiffukaw fuq il-kors CPD (Continuous Professional Development) fejn dawk preżenti jaġġornaw ruħhom bl-aħħar metodi ta’ taħriġ.

“Tant kemm dan l-iskambju mhux kummerċjali li saħansitra ftaħnih anke għal coaches li qegħdin ma’ timijiet oħra. B’hekk huma jkollhom ukoll il-liċenzja tagħhom aġġornata.”

Bonnici qalilna li l-ħsieb se jkun li jkun hemm gruppi ta’ players fi ħdan Fgura United FC li jkollhom kampijiet ta’ taħriġ u anke jiġu organizzati partiti ta’ ħbiberija f’Foggia stess.

Fatt interessanti dwar dan it-team hu l-fatt li jagħfsu ħafna fuq l-aspett tekniku fosthom il-kunċett ta’ neuroscience fejn il-coaches jiffukaw fuq l-aspett mentali tal-plejer. Bonnici spjegalna aħjar dan il-kunċett.

“Bqajt mistagħġeb bid-dettall li jidħlu fih ċerti coaches. Eżempju ta’ dan hu meta player ikollu l-ballun. Dak il-ħin f’moħħ il-player jidħlu ħafna ħsibijiet..x’nagħmel inqassam il-ballun? Inżommu? Naqbeż player?”

Dawn huma kollha innovazzjonijiet li skont Larkin Bonnici qed jagħmlu dan l-isport dejjem aktar modern u interessanti.

“Illum il-football inbidel u qed jidħol ħafna l-aspett psikoloġiku barra dak fiżiku. Hemm ukoll l-analiżi tal-logħba li tant saret importanti u fuq kollox xi dettalji oħra li wara l-partita tkun tista’ tiflihom bir-reqqa. Huwa għalhekk li korsijiet bħal dawn jibbenefikaw mhux ftit il-coaches Maltin”

Fgura United FC għandhom l-esklussivita’ ta’ dan l-iskambju u stiednu coaches oħra minn clubs oħra sabiex jiġu għal dawn il-korsijiet minħabba l-importanza li tibqa’ aġġornat mal-aħħar żviluppi f’dan l-isport.

Foggia Calcio hu klabb li twaqqaf fl-1920 u jinsab ibbażat fir-reġjun tal-Puglia, fin-naħa t’isfel tal-Italja. Bħalissa hu jilgħab fis-serie C Taljana u bla dubju li l-aqwa snin tiegħu jibqgħu dawk tad-disgħinijiet meta t-team kien immexxi mill-coach magħruf Zdenek Zeman u li kważi wasal għall-kwalifikazzjoni fit-Tazza UEFA. Dak iż-żmien kellhom diversi plejers magħrufa fosthom Francesco Baiano, Igor Shalimov, Dan Petrescu u Roberto Rambaudi. Fis-snin ta’ wara t-team kellu t-tlugħ u l-inżul tiegħu u issa qed jissielet għall-post fis-Serie B.

Ekonomija

Sport