Ġuri fil-Kanada sema’ l-argumenti tal-għeluq fil-każ ta’ raġel akkużat li qatel erba’ membri tal-familja Musulmana bil-vettura tiegħu. Nathaniel Veltman ta’ 22 sena qed jaffaċċja erba’ akkużi ta’ qtil tal-ewwel grad u akkuża oħra ta’ attentat ta’ qtil.
Veltman qed jaffaċċja wkoll akkużi dwar terroriżmu, bil-prosekuzzjoni qed targumenta li u kien fil-mira tal-familja Afzaal minħabba t-twemmin tagħhom. Kemm id-Difiża kif ukoll il-Prosekuturi qablu li Veltman kien qed isuq il-karozza.
L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. Huwa qed isostni li bħal donnu “kien fi stat tal-ħolm” meta nhar is-6 ta’ Ġunju 2021, allegatament saq fuq il-vittmi f’Ontario li kienu mexjin.
Salman Afzaal ta’ 46 sena u martu Madiha Salman ta’ 44 sena nqatlu fl-attakk – flimkien ma’ binthom Yumna ta’ 15-il sena u omm Salman – Talat Afzaal ta’ 74 sena. It-tifel tal-koppja ta’ disa’ snin weġġa’ serjament iżda rnexxielu jsalva.
Il-ġurati mhux biss se jkollhom jiddeċiedu jekk is-Sur Veltman huwiex ħati ta’ qtil, iżda wkoll jekk l-azzjonijiet tiegħu jistgħux jiġu deskritti bħala terroriżmu. L-argumenti tal-għeluq saru nhar it-Tlieta fil-Qorti ta’ Windsor, Ontario, wara 10 ġimgħat ta’ proċeduri.
Waqt li kien qed jixhed fid-difiża tiegħu stess, is-Sur Veltman qal li huwa kien bela’ “kwantità kbira ta’ magic mushrooms” madwar 40 siegħa qabel seħħ l-inċident.
Huwa ammetta li ġieħ darbtejn il-ħsieb biex jibqa’ għaddej minn fuq dawn il-Musulmani wara li ħa d-droga, iżda rreżista milli jagħmel dan. Imbagħad, waqt li kien qed jiekol barra, qal li ra lil dan il-familja u ma setax iwaqqaf milli jagħmel li għamel.
Xhud ieħor, il-psikjatra forensiku Julian Gojer, qal lill-ġurija li s-Sur Veltman ġie djanjostikat b’diversi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, inkluż dipressjoni severa, ansjetà u disturb tal-personalità.
Huwa xehed li l-magic mushrooms x’aktarx aggravaw il-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali tiegħu.