Wednesday, May 15, 2024

F’Ħal Far jitilgħu għal 34 dawk infettati bil-Covid-19 … Estiż il-perjodu tal-kwarantina fil-post

Aqra wkoll

Gauci tappella biex ma nillaxkawx hekk kif mistenni l-bnazzi għal tmiem il-ġimgħa

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charamaine Gauci bdiet il-konferenza tal-lum b’aħbar tajba. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat kien hemm disa’ persuni li rriżultaw li rkupraw minn dan il-virus.
Minn 1,090 swab test li saru fl-aħħar sigħat kien hemm 10 każi li rriżultaw pożittivi biex b’hekk it-total ta’ dawk li ġew infettati huwa ta’ 422 każ.
Jekk jitnaqqsu dawk li sfortunatament mietu u dawk li fiqu minn dan l-ammont, 328 każ għadhom każi attivi. 

10 każi ġodda:

-Mara ta’ 31 sena li ġiet mill-Ingilterra fit-12 t’April. Hi bdiet bis-sintomi ftit wara li waslet u minkejja li hu każ kontrollat għax kienet fi kwarantina, qed isir contact tracing fuq it-titjira.
-Raġel ta’ 36 sena mill-Kolumbja li huwa residenti hawn Malta u li beda bis-sintomi fl-14 t’April. Huwa ma kienx qed jaħdem u kellu kuntatt ma’ żewġ min-nies biss fid-dar fejn jgħix.
– Raġel Ingliż ta’ 35 sena li jgħix hawn Malta u li beda bis-sintomi fl-10 t’April. Huwa każ kontrollat għax dan ir-raġel kien qed jaħdem bit-teleworking. Qed issir contact tracing ta’ erba’ min-nies li jgħixu miegħu.
-Raġel ta’ 29 sena min-Nepal, kuntatt ta’ każ ieħor li ġie nnotifikat fl-aħħar jiem u b’hekk l-awtoritajiet qed ikomplu jsegwu dan il-cluster ta’ tlieta min-nies.
-Anzjan ta’ 61 sena li beda bis-sintomi fis-7 t’April, iżda kellu sintomi li jiġu u jmorru u b’hekk fl-aħħar sigħat għamel it-test u rriżulta pożittiv. 
-Malti ta’ 24 sena li beda bis-sintomi fit-13 t’April. Huwa mar għax-xogħol għal perjodu qasir u qed issir contact tracing ta’ xi persuni li setgħu ġew f’kuntatt miegħu.
-Mara ta’ 29 sena li hija carer li kellha kuntatt ma’ pazjenta. Hija kienet fi kwarantina u rriżultat pożittiva.

It-tliet każi l-oħra huma immigranti miċ-Ċentru ta’ Ħal Far

Ilbieraħ saru 20 test u minnhom kien hemm tliet persuni mis-Sudan li rriżultaw pożittivi. Huma rġiel ta’ 30 sena, 24 sena u ieħor ta’ 26 sena. B’hekk s’issa f’dan il-post li qed jitqies bħala sors ta’ infezzjoni s’issa kien hemm 34 każ li rriżultaw pożittivi. 
Charmaine qalet li n-numri li għandna huma dawk li qed jirriżultaw pożittivi u spjegat li jista’ jkun hemm persuni li għandhom il-virus, iżda mhux qed jiġu interċettati minħabba diversi raġunijiet fosthom dik li ma jkunux qed juru sintomi jew li dawn ma jersqux biex jagħmlu t-test.
Gauci tenniet dwar l-importanza li tinżamm distanza soċjali biex ikun evitat it-tixrid tal-virus. Dan fid-dawl ta’ tmiem il-ġimgħa li mbassar li se jkun ikkaratterizzat minn jiem ta’ temp bnazzi u li b’hekk is-sagrifiċċju ta’ dak li jkun biex jibqa’ ġewwa huwa akbar minn ġranet ta’ maltemp li jgħinuna nibqgħu ġewwa.

Jiġi estiż il-perjodu ta’ kwarantina fiċ-ċentru ta’ Ħal Far

Il-kwarantina fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se tkun estiża għal erbatax-il jum ieħor mill-aħħar data li fiha jinstab resident pożittiv għal COVID-19 qabel jew matul il-Ħadd 19 t’April 2020.
Din id-deċiżjoni ttieħdet fuq ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika wara li fiċ-ċentru nstabu numru ta’ persuni oħra pożittivi għal COVID-19.
Ir-residenti li nstabu pożittivi għal virus qed jingħataw kura f’ċentru mediku mmexxi mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar f’binja viċin iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
F’parti oħra taċ-ċentru qed jinżammu persuni li jkun sarilhom swab test jew ikollhom il-ħtieġa li jinżammu iżolati minn persuni oħra fl-istess ċentru. Din il-parti taċ-ċentri hija amministrata mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar ukoll.
L-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu janalizzaw mill-qrib is-sitwazzjoni f’dan iċ-ċentru biex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet li jħarsu s-saħħa ta’ dawk li jgħixu fiċ-ċentru u tal-kumplament tas-soċjetà Maltija.
L-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) li tmexxi dan iċ-ċentru qed tieħu numru ta’ miżuri sabiex tiffaċilita l-ħajja ta’ dawk li qed jintalbu jagħmlu l-kwarantina.

Sport