Tuesday, June 23, 2026

“F’ħidmietna, anke meta ma naqblux, iridu jgħaqqduna l-ilwien tagħna l-Maltin”

– Id-Deputat Laburista Nigel Vella

Aqra wkoll

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament, id-Deputat Laburista Nigel Vella sostna li fil-ħidma Parlamentari, anke meta Gvern u Oppożizzjoni ma jaqblux, il-membri Parlamentari jridu jġibu quddiem għajnejhom l-ilwien ta’ Malta u l-Maltin.

Vella enfassiza fuq ir-rispett li għandna nuru mhux biss lejn wieħed u ieħor, inkluż dawk il-ħaddiema barranin li qegħdin f’Malta b’mod regolari u li jaħdmu u jħallsu t-taxxi bħalna, imma lejn kull ħaġa li ssawwar il-pajjiż tagħna kif inhu.

“Jiena kburi li parti minn dan il-Gvern u parti mill-Partit Laburista. Trabbejt fil-Partit Laburista. Ħdimt tista’ tgħid fl-istrutturi kollha tiegħu, minn tifel sal-ġurnata tal-llum. Iżda qabel kollox u kulħadd jiena Malti. U Malti kburi. Kburi bil-karateristiċi kollha li jiddistingwu l-ġens tagħna minn oħrajn. L-ilsien sabiħ tagħna. It-tradizzjonijiet. Il-kultura rikka. Il-mod ta’ ħajja li ngħixu. Il-pajsaġġ tagħna. L-istorja fonda. L-għaraq li għerqu missirjietna, huma min huma, emmnu fiex emmnu, biex illum, bis-sehem ta’ kulħadd għandna nazzjon-stat li qed jiġri ‘il quddiem, ferm aktar minn pajjiżi li snin ilu konna nħarsu lejhom bħala mudell. U għalhekk il-kelma rispett kruċjali,” stqarr Nigel Vella.

Id-Deputat Laburista Vella tkellem b’mod estensiv fuq il-proġett ta’ Gvern Laburista tar-riġenerazzjoni fil-Port il-Kbir u semma kif din in-naħa ta’ pajjiżna kienet parti importanti mill-istorja tal-pajjiż. 

“Dawn il-portijiet għal ħafna snin kienu jfissru l-għajxien ta’ tant familji. Illum l-ekonomija tagħna ġiet diversifikata, u postijiet bħal dawk li ġej minnhom jiena m’għadhomx marbuta biss mal-investiment marittimu. Iżda s-swar, il-binjiet mad-dawra tax-xtut tal-Belt, il-Floriana, il-Marsa u postijiet viċin huma xhieda tal-importanza li kellhom qabel u llum iservu ta’ sfond biex niċċeċ ekonomiċi li żviluppaw mal-milja taż-żmien, bħat-turiżmu, jattiraw bis-seħer li joffru lill-barrani.

Għandna dmir li dan is-seħer nippreservawh u li nagħtuh ħajja ġdida. Għalhekk huwa kruċjali l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Kruċjali mhux biss biex nagħtu l-isbaħ pajsaġġ, iżda għax iktar importanti, wara dak is-swar li naraw, fil-binjiet li nilmħu, joqgħodu l-familji. U għaldaqstant aħna rridu naraw li nagħtu l-aħjar. Irridu naraw riġenerazzjoni li fil-qalba tagħha ikun hemm in-nies, il-famliji, il-komunitajiet. Ma nistgħux nippermettu riġerenazzjoni li twassal għal suċċess ekonomiku iżda li titfa’ fil-ġenb il-komunitajiet tal-madwar tal-port li ilhom jistennew riġenerazzjoni u titjib fil-kwalitá tal-ħajja,” qal Nigel Vella.

Huwa semma wkoll l-importanza li għandha tingħata lill-oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura, il-patrimonju Malti, l-isport, l-akkomodazzjoni u l-benesseri b’mod ġenerali tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Ejja ħalli b’dan ir-rispett li jmiss ma’ kull ħaġa, ma’ kull kantuniera, dejjem nassiguraw pajjiż aqwa. Pajjiż aħjar.  Pajjiż li jixraq lill-uliedna. Pajjiż li jkun l-għira ta’ ħaddieħor,” temm jgħid id-Deputat Laburista ġdid. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport