Tuesday, June 23, 2026

‘Qed inħares lejn din l-opportunitá b’entużjażmu kbir u sens ta’ responsabbiltá’ – Ryan Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ħafna. Dejjem kont inqatta’ sigħat nilgħab ma huti u hbieb barra fit-triq, xi ħaġa li llum il-ġurnata sfortunatament qed narawha dejjem inqas. Maż-żmien, il-passjoni għal-logħba kibret u wara li l-injuries ma ħallewnix inkompli nilgħab il-logħba bħala plejer, bdejt il-karriera tal-kowċing.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Assistant Coach ta’ Lija Athletic?
Qed inħares lejn din l-opportunitá b’entużjażmu kbir u sens ta’ responsabbiltá. Lija Athletic huwa klabb b’ambizzjoni u tradizzjoni tajba, u ninsab ħerqan biex nagħti l-kontribut tiegħi sabiex ngħin lit-tim jilħaq l-objettivi tiegħu.

Kemm qed tfittex li taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ Joseph Galea?
Meta taħdem ma’ persuna b’esperjenza bħal Joseph Galea dejjem tkun opportunita sabiħa. L-għan tiegħi huwa li nkun ta’ sostenn għalih u għall-plejers fil-ħidma ta’ kuljum. Fl-istess waqt, nara din l-esperjenza bħala ċans eċċellenti biex nitgħallem aktar dwar il-logħba u nkabbar il-kompetenzi tiegħi bħala kowċ permezz tal-għarfien u l-esperjenza tiegħu.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej u x’inhuma t-tragwardi tagħkom?
Qed nersqu lejn l-istaġun il-ġdid b’ottimiżmu iżda wkoll b’realiżmu. L-ewwel prijorita hija li nibnu tim kompetittiv u konsistenti. It-tragward tagħna huwa li nkunu kompetittivi f’kull partita u nisfidaw għall-ogħla pożizzjonijiet possibbli fil-kampjonat.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-futbol Malti qed ikompli jitjieb. Hemm aktar professjonalita, aktar investiment fil-plejers u fil-kowċis, u qed naraw aktar żgħażagħ jingħataw opportunitajiet. Għad hemm spazju għal titjib, iżda d-direzzjoni hija waħda pożittiva.

U dak tar-riżorsi (grounds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ir-riżorsi huma aspett importanti ħafna għall-iżvilupp tal-futbol. Sar progress matul l-aħħar snin, iżda għad hemm bżonn aktar investiment fil-faċilitajiet tat-taħriġ u fil-grawnds biex il-plejers u l-kowċis ikollhom l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jaħdmu u jiżviluppaw.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Bħalissa l-fokus tiegħi huwa li nkompli nitgħallem, nikber professjonalment u nagħmel xogħli bl-aħjar mod possibbli. Fil-futur nixtieq inkompli niżviluppa bħala kowċ u nilħaq livelli ogħla, iżda dejjem pass pass u permezz ta’ xogħol serju u dedikazzjoni.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li qatt ma jieqfu jitgħallmu u jaħdmu. It-talent huwa importanti, iżda d-dixxiplina, il-konsistenza u l-attitudni jagħmlu d-differenza. Ikunu lesti jagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa, jemmnu fihom infushom, u jieħdu kull opportunita bħala ċans biex itejbu lilhom infushom kemm bħala plejers kif ukoll bħala persuni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport