Marcelo Dias ħabbar uffiċjalment l-irtirar tiegħu mill-futbol professjonali, u b’hekk jagħlaq kapitlu straordinarju li dam aktar minn 20 sena.
“Wara aktar minn 20 sena nilgħab il-futbol professjonali, wasal iż-żmien li ngħid: Grazzi, Futbol,” kiteb Dias f’messaġġ emozzjonanti li fih irrifletta fuq il-vjaġġ tiegħu.
Il-plejer spjega kif il-futbol tah kollox fil-ħajja, mhux biss bħala karriera iżda wkoll bħala skola ta’ valuri. Huwa qal li permezz tal-logħba tgħallem jirrispetta lill-oħrajn, jaħdem bis-sħiħ biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, jagħmel sagrifiċċji, jegħleb l-ostakli u qatt ma jaqta’ qalbu mill-ħolm tiegħu.
Dias ammetta li t-triq ma kinitx dejjem faċli. Fakkar żminijiet diffiċli meta kien jorqod f’postijiet kesħin u drabi meta lanqas kellu biżżejjed ikel. Madankollu, sostna li dawn l-isfidi qatt ma waqqfuh; għall-kuntrarju, għamluh aktar b’saħħtu mentalment u għallmuh il-perseveranza biex jibqa’ miexi ’l quddiem anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin kif xtaq.
“Niġi minn belt żgħira f’pajjiż enormi, fejn ħafna kienu jaħsbu li l-isfidi kienu kbar wisq u l-opportunitajiet ftit wisq. Illum nista’ ngħid b’kburija: irnexxejt,” stqarr Dias.
Fil-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lil dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ tiegħu fil-futbol, fosthom sħabu tat-tim, il-kowċis, il-presidenti u l-membri tal-istaff.

