Il-Partit Nazzjonalista reġa’ għażel it-triq li sfortunatament sar magħruf għaliha, li jopponi qabel jifhem u li jikkritika mingħajr ma jipproponi. Minflok m’analizza l-ħtieġa għall-modernizzazzjoni fis-sistema tal-Pitkalija u joffri soluzzjonijiet għall-isfidi li l-bdiewa ilhom jaffaċċjaw għal snin twal, għażel li joħloq kontroversja politika dwar il-kaxxi li jintużaw. Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qed juri li meta jiġi biex jindirizza l-isfidi reali tas-settur agrikolu, jaf jopponi iżda ma jafx imexxi.
Il-verità hi li l-kwistjoni mhijiex il-kulur tal-kaxxa. Il-kwistjoni hi jekk il-bdiewa Maltin u Għawdxin humiex se jibqgħu jaħdmu b’sistema li kulħadd jaf li għandha limitazzjonijiet serji, jew jekk hux se jkollhom sistema moderna mibnija għall-isfidi tal-lum u ta’ għada.
Din ir-riforma mhijiex deċiżjoni meħuda b’mod każwali jew f’daqqa. Hija parti minn impenn ċar li l-Gvern għamel mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-Manifest Elettorali tal-2026. Fil-fatt, f’kapitlu 19 mizura numru 8 tgħid li “Il-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott se jinbidlu b’kontenituri aktar moderni u prattiċi għall-bdiewa, filwaqt li l-Pitkalija se tintroduċi sistema ġdida sabiex il-bejgħ u x-xiri jkunu aktar effiċjenti u aktar ġusti mal-bejjiegħa u x-xerrejja.”
Għal snin twal il-bdiewa ilhom jaffaċċjaw sfidi relatati mat-traċċabilità, il-ġestjoni u l-kontabilità tal-kaxxi li jintużaw fil-Pitkalija. Dawn huma realtajiet magħrufa mis-settur u li jeħtieġu riforma serja u komprensiva.
Din il-bidla hija wkoll marbuta direttament mal-impenn elettorali ieħor tal-Gvern, hekk kif f’kapitlu 19 miżura 33 hemm li se tiġi introdotta sistema standardizzata ta’ grading għall-prodotti agrikoli, sistema li tagħraf il-kwalità, tagħti valur ġust lill-prodott Malti, issaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur u toħloq aktar trasparenza fis-suq.
Min jippretendi li jista’ jkollok sistema moderna ta’ grading, traċċabilità u kontabilità mingħajr ma timmodernizza wkoll l-għodod u l-infrastruttura li fuqhom hija mibnija s-sistema, qed jagħżel li jinjora r-realtà.
Il-Gvern jirrispetta kull opinjoni u kull tħassib ġenwin li jista’ jkollhom il-bdiewa Maltin u Għawdxin. Għalhekk se jkompli jikkonsulta, jispjega u jiddiskuti l-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma mas-settur sabiex it-tranżizzjoni ssir bl-aħjar mod possibbli.
Iżda l-bdiewa Maltin u Għawdxin jafu wkoll li għal snin twal il-Partit Nazzjonalista kien nieqes minn viżjoni ċara għas-settur agrikolu. U llum, flok jippreżenta alternattiva serja, jidher li l-unika proposta li għandu hija li kollox jibqa’ kif inhu.
Hemm differenza kbira bejn min jisma’, jikkonsulta u jwettaq ir-riformi meħtieġa, u min juża kull bidla bħala skuża biex joħloq oppożizzjoni politika.
Il-Gvern se jibqa’ jisma’ lill-bdiewa u jaħdem magħhom sabiex din ir-riforma titwettaq bl-aħjar mod possibbli. Iżda fl-istess waqt se jibqa’ determinat li jwettaq il-bidliet meħtieġa biex is-settur agrikolu Malti jkun aktar b’saħħtu, aktar kompetittiv u aktar sostenibbli għas-snin li ġejjin.
Għal dan il-Gvern, il-biedja mhijiex biss attività ekonomika. Hija parti mill-identità nazzjonali tagħna, mis-sigurtà alimentari tal-pajjiż u mill-wirt li rridu ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Huwa għalhekk li se nibqgħu ninvestu, nimmodernizzaw u nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex il-bdiewa Maltin u Għawdxin ikollhom settur aktar b’saħħtu, aktar ġust u aktar sostenibbli għas-snin li ġejjin.

