MALTA ……………0
ĊEKJA……………..5
It-team nazzjonali Malti tan-nisa ta’ Taħt id-19-il sena beda l-kampanja ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2027 b’telfa ta’ 5-0 kontra ċ-Ċekja, f’partita minn Grupp B6 li fiha t-team Ċek iddomina għal perjodi twal.
Iċ-Ċekja ħadu l-kontroll mill-ewwel u poġġew lill-goalkeeper Maltija Maya Muscat taħt pressjoni kontinwa. Madankollu, Muscat għamlet diversi saves importanti biex żammet lil Malta fil-partita għal perjodi twal.
Wara diversi tentattivi, iċ-Ċekja fetħu l-iskor fil-25 minuta permezz ta’ Natalie Peskova, li kkonkludiet cross minn fuq ix-xellug. Malta ppruvat tirreaġixxi, iżda erba’ minuti qabel il-mistrieħ Ema Jurenikova rduppjat l-iskor b’xutt preċiż wara azzjoni fuq in-naħa tax-xellug.
Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, Ellen Eiseltova għamlet l-iskor 3-0 biex Malta daħlet għall-mistrieħ fi żvantaġġ ta’ tliet goals.
It-tim Ċek kompla bl-istess dominanza fit-tieni taqsima. Wara li Muscat salvat tentattiv perikoluż ta’ Jolana Sadlova, Klara Danickova skorjat ir-raba’ goal fil-56 minuta, b’xutt mill-viċin.
Id-difiża Maltija kompliet tirreżisti l-pressjoni iżda, fil-65 minuta, Jurenikova skorjat it-tieni goal personali tagħha biex għamlet l-iskor 5-0.
Minkejja d-differenza fl-iskor, Muscat kellha prestazzjoni pożittiva bejn il-lasti u għamlet numru ta’ interventi importanti kontra tim Ċek li żamm kontroll kważi sħiħ tal-konfront.

Malta issa ddawwar l-attenzjoni tagħha lejn iż-żewġ logħbiet li jmiss fi Grupp B6. It-tim Malti jaffronta lir-Rumanija fid-9 ta’ Ottubru fis-2.30pm, qabel jagħlaq il-kampanja tiegħu kontra l-Każakistan fit-12 ta’ Ottubru fit-12.30pm.
Malta: 1 Maya Muscat, 2 Amy Bello Catania, 4 Amber Galea, 6 Madison Grace Cachia, 7 Lisa Calleja (Pearl May Schembri 82 minuta), 9 Crista Chetcuti Ganado (Gloria Cassar 46 minuta), 10 Kay Axiak, 11 Thais Muscat, 14 Nina-Lee Naudi, 15 Alanah Ghio, 20 Olivia Nazarko (Krista Sacco 82 minuta).
Repubblika Ċeka: 16 Nikola Harantova, 2 Ema Jurenikova, 3 Klara Danickova, 6 Eliska Volhejnova (Barbara Najvorova 71 minuta), 8 Jolana Sadlova (Tereza Hotockova 80 minuta), 10 Ellen Eiseltova (Jolana Pavkova 58 minuta), 11 Natalie Peskova, 17 Sarka Kynclova, 18 Denisa Rancova, 19 Nikola Sotova (Eliska Nechutova 71 minuta), 20 Rozalie Stranska (Nathalie Kuntova 58 minuta).
Referee: Eirini Pingiou (Greċja)



