Wednesday, October 7, 2026
Home Sport Lionel Messi jagħti l-addio lit-team nazzjonali tal-Arġentina

Lionel Messi jagħti l-addio lit-team nazzjonali tal-Arġentina

0
57

Lionel Messi ta l-addio lit-team nazzjonali tal-Arġentina f’lejla mimlija emozzjonijiet fl-Estadio Monumental fi Buenos Aires, fejn aktar minn 80,000 partitarju ngħaqdu f’ġieħ wieħed mill-akbar players fl-istorja tal-football. Il-partita kontra Benin, li ntemmet 3-0 favur l-Arġentina, kienet l-aħħar waħda tiegħu bil-flokk Arġentin li ilu jirrappreżenta għal aktar minn 20 sena.

Messi,  39 sena, skorja l-126 u l-aħħar goal tiegħu mal-Arġentina minn penalty fid-69 minuta, wara li Agustin Giay twaqqa’ fil-kaxxa. Il-captain Arġentin xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka, u b’dan il-goal temm b’mod simboliku karriera internazzjonali straordinarja.

Qabel il-partita, l-emozzjonijiet kienu diġà evidenti. Messi deher bid-dmugħ f’għajnejh kemm fuq ix-xarabank kif ukoll waqt iċ-ċerimonja qabel il-partita, hekk kif it-tliet uliedu ngħaqdu miegħu. Fil-ground intwera banner kbir ta’ flokk tal-Arġentina bil-kliem “Gracias 10”, filwaqt li l-players libsu flokkijiet b’ismijiet u numri tad-deheb. Fl-10 minuta, il-partita twaqqfet għal ovazzjoni speċjali, b’logħob tan-nar jixgħel is-sema.

Il-partitarji xtaqu jaraw lil Messi jipprovdi l-aħħar mument ta’ maġija, u dan wasal fit-tieni taqsima. Qabel il-goal tiegħu, huwa kien diġà ħoloq l-ewwel żewġ gowls tal-Arġentina u kellu diversi opportunitajiet biex isib ix-xibka.

Wara l-goal, sħabu tat-team daru miegħu f’ċelebrazzjoni emozzjonanti, filwaqt li ommu Celia u martu Antonela Roccuzzo dehru jċapċpu fit-tribuni. Messi mbagħad ipponta lejn is-sema, ġest li ilu jagħmel għal snin, iżda li din id-darba kellu tifsira aktar profonda wara l-mewt riċenti ta’ missieru, Jorge.

Wara s-suffara finali, il-partitarji komplew jagħtuh ġieħ permezz ta’ spettaklu bid-drones li wera ismu, in-numru tiegħu, il-flokk u t-Tazza tad-Dinja. Messi, imqanqal, qal li kien kburi li ddefenda l-flokk Arġentin għal aktar minn 20 sena u li “li tilgħab għall-Arġentina hija l-isbaħ ħaġa”.

Huwa ammetta wkoll li din kienet “l-aktar ġurnata ta’ niket” fil-karriera tiegħu, iżda wiegħed li se jibqa’ jappoġġja lil min jiġi warajh. “Ma rridx nitlaq minn dan il-post. Ma rridx nitlaq mill-ground. Inħobbkom ilkoll, u se nħoss in-nuqqas tagħkom ilkoll. Jiena kburi li jiena Arġentin,” qal Messi.


Fl-aħħar, huwa għamel dawra finali madwar il-Monumental qabel ingħaqad mal-familja tiegħu fiċ-ċentru tal-ground. Imbagħad niżel lejn id-dressing room u ħalla warajh kapitlu storiku fil-football Arġentin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here