Meta ntlagħab l-aħħar programm tar-raba’ ġurnata tal-UEFA Nations League, li kien ukoll l-aħħar wieħed ta’ din il-waqfa internazzjonali, l-attenzjoni kienet kollha fuq Wembley Stadium u fuq l-attakkant Harry Kane.
Minn barra li l-Ingilterra ħarġet rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 fuq ir-Repubblika Ċeka, din kienet ġurnata speċjali għal Kane li kien qed jilgħab il-125 partita għal pajjiżu biex laħaq ir-rekord tal-eks goalkeeper, Peter Shilton, li ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar 36 sena.
Aktar minn hekk, f’din il-partita huwa kien l-ispirazzjoni għat-team tiegħu meta skorja doppjetta.
L-Ingilterra fetħu l-iskor fis-27 minuta, meta Kane xeħet cross insidjuż lejn Eberechi Eze, iżda l-eks difensur ta’ West Ham, Vladimir Coufal, mingħajr ebda pressjoni fuqu, żelaq u xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess għal auto-goal sfortunat. Iżda fl-istess waqt Kane ingħata l-assist ta’ dan il-goal.
U proprju f’din id-dehra speċjali, fl-40 minuta, l-attakkant ta’ Bayern Munich skorja d-90 goal personali bil-flokk tat-Three Lions.
ll-goal kien kapolavur meta Elliot Anderson xeħet pass fit-tul minn 30 metru bogħod lejn Morgan Rogers li kien pront żmarka lil Kane li kien fil-kaxxa u b’intuwizzjoni naturali lejn ix-xibka avversarja, dawwar il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fis-57 minuta, l-Ingilterra komplew ikabbru l-vantaġġ meta mill-corner ta’ Lewis Hall, Harry Kane għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lill-goalkeeper, Lukas Hornicek.
Wara dan il-goal, it-team immexxi mill-coach Thomas Tuchel naqqas ir-ritmu iżda qagħad jikkontrolla sas-suffara finali.





