Thursday, December 26, 2024

Fi ftit jiem tneħħew mal-2,000 tunnellata ta’ skart fl-inħawi ta’ Ħal Muxi F’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

F’Ħaż-Żebbuġ, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għaddejja b’interventi importanti biex jitneħħa skart ta’ kostruzzjoni li nġema matul is-snin f’żona residenzjali li tmiss ma’ Triq Ambroġ Buttiġieġ magħrufa wkoll bħala l-inħawi ta’ Ħal Muxi.

Fl-ewwel ftit jiem, id-Diviżjoni neħħiet madwar 2,000 tunnellata ta’ skart fiż-żona msemmija, fejn qiegħed jiġi separat sabiex jiġi dispost fil-faċilitajiet li jilqgħu dan it-tip ta’ skart. Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni se tkompli għaddejja bit-tindif f’din iż-żona fejn huwa stmat li jitneħħa madwar 3,000 tunnellata oħra ta’ skart. It-tindif kollu f’dan l-ispazju miftuħ huwa ppjanat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Matul is-sena li għaddiet id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret aktar minn 21,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara u s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri.

Il-Ministru Clayton Bartolo semma kif qegħdin isiru sforzi kbar sabiex l-indafa pubblika fil-lokalitajiet tkun aħjar milli kienet qabel. “Embarkajna fuq proġett nazzjonali li jrid iwassalna biex l-indafa pubblika u l-manutenzjoni jkunu parit integrali mill-ħajja ta’ kuljum fost il-komunitajiet tagħna. Determinati li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin inkomplu nagħmlu d-differenza bix-xogħol tant tajjeb li qiegħda tagħmel Clean Malta fl-indafa pubblika u l-manutenzjoni,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield semma kif dan il-proġett qed jsir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ wara li ġie propost mill-istess kunsill fejn anke ġew konsultati r-residenti tal-lokal. “Inħeġġeġ aktar kunsilli lokali biex javviċinawna b’aktar ideat u inizjattivi, sabiex b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni jitwettqu dawn il-proġetti għall-ġid tal-komunitajiet tagħna,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bedingfield.

Ekonomija

Sport