Saturday, December 21, 2024

Fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran

Aqra wkoll

Minn Dr Alfred Sant

Kienet esperjenza stramba, mhux daqstant sabiħa l-ġimgħa li għaddiet meta żort filgħaxija iċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Bħal daż-żmien kull sena fl-istess ħin, ikun miżgħud bin-nies. Is-sala qisha kuritur enormi tkun meħuda bil-wirjiet imtellgħa minn publikaturi tal-kotba biex jagħmlu pubbliċità għall-kotba tagħhom. Ma’ kullimkien – nies tiffolla bejn wirja u oħra, tfal iduru minn mejda għal mejda fejn tpoġġew kotba għalihom, publikaturi, kittieba, kollezzjonisti tal-kotba, nemmiesa jħufu.

Dik il-ħamba, did-darba kienet nieqsa. Is-sala-kuritur kienet vojta, mudlama, ħlief għal dwal vjola fil-għoli mill-ġnub. Skiet ma’ kullimkien.

Il-Covid 19 għattiet il-Festivall tal-Kotba bi gverta kbira. Sar b’mod virtwali imma jkolli nammetti li ma segwejtux. Diġà hemm wisq virtwali f’li qed nagħmel…

Biss nemmen li l-folja ma ddumx ma tinqaleb. Bini spettakolari bħaċ-Ċentru tal-Mediterran u inizjattiva ta’ siwi bħall-Festivall tal-Ktieb ma jdumux biex jagħmlu l-qawmien tagħhom u jerġgħu jiġbru l-folol madwarhom u ġo fihom.

***

FONDI MILL-MULTI

Fil-livell tal-Parlament Ewropew kien hemm ħafna kjass dwar kif il-Parlament kien irnexxielu… minkejja r-reżistenza tal-istati membri wara il-Kunsill Ewropew li fih iddeċidew dwar hekk, iżid fl-impenn finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għall-baġits tagħha tas-snin 2021 – 2027. U dan bis-somma ta’ 16-il biljun ewro.

  L-għanijiet li għalihom in-negozjaturi tal-Parlament stinkaw, wieħed jaqbel magħhom mija fil-mija. Il-flus se jmorru għas-saħħa, l-edukazzjoni bħal fi proġetti tal-Erasmus u għar-riċerka.

Li jinkwieta huwa dan: Il-fondi ekstra għal dawn il-proġetti mhumiex se jinġabu mir-riżorsi tal-Unjoni Ewropea imma mill-multi li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed twaħħal fuq impriżi li jiksru r-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni.

Jidhirli li dan hu preċedent perikoluż: deċiżjonijiet regolatorji meħuda mnn aġenzija eżekuttiva, il-Kummissjoni, se jkunu qed jitqiesu wkoll mil-lenti ta’ kemm jistgħu u kemm sejrin jimpalaw fondi fil-barżakka tal-Ewropa. Altru milli perikoluż!

***

GĦAL SENTEJN BISS?

Qabel irtira mix-xena politika, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fisser il-fehma li jkun aħjar jekk deputati fil-Parlament ma jkunux jistgħu jservu għal aktar minn żewġ leġislaturi.

Meta smajtha, ftit qbilt ma’ din l-idea għax naħseb li s-sengħa leġislattiva, magħquda ma’ dik tal-imġiba politika trid titrawwem, proċess li jieħu ż-żmien. Ftit jagħmel sens li malli depututi jkunu fl-aħħar tgħallmu dawn is-“snajja”, jkollhom jitilqu mill-Parlament.  Matul l-aħħar erbgħin sena jew kemm, il-kwalità tal-liġijiet li għadda l-Parlament Malti baqgħet sfortunatament taqa’… kif aktar jista’ jiġri jekk kull darba d-deputati jkun ġodda fil-maġġoranza jew kważi.

Min-naħa l-oħra, jekk il-proposta ta’ Muscat kienet intiża biex wieħed jara kif se nnaqqsu mill-klijenteliżmu li jibqa’ pressjoni enormi fuq kull deputat, allura fiha x’tixtarr.

Ekonomija

Sport