Tuesday, May 6, 2025

FIDUĊJA AKBAR F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Il-fiduċja f’pajjiżna mill-aspett ekonomiku qiegħda tkompli tikber. Dan jidher minn dak li jsostnu aġenziji awtorevoli nkluż l-Kummissjoni Ewropea li jbassru tkabbir sostanzjali tal-ekonomija. Dan it-tkabbir huwa sinjal tal-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjżna.

Għal sena wara l-oħra, l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet tespandi u dan ifisser li l-ġid tal-poplu qed ikompli jiġi kkonsolidat. Punt pożittiv ieħor minn dak it-tkabbir joħroġ mill-fatt li minkejja kollox kemm id-dejn u anke d-defiċit qed jonqos. Tant li Malta, fi żmien mhux ’il bogħod, mistennija li toħroġ mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv qabel previst u tirritorna għan-normi tal-Unjoni Ewropea.

F’kuntest ta’ fiduċja mill-investituri f’pajjiżna, nilqgħu l-aħbar li ta l-Prim Ministru Robert Abela f’Jum il-Ħaddiem illi bejn din is-sena u s-sena d-dieħla f’pajjiżna se jitlestew investimenti li jammontaw għal 500 miljun ewro. Investimenti li se jfissru karrieri ta’ kwalità f’setturi strateġiċi fosthom fit-teknoloġija diġitali, l-enerġija nadifa, il-farmaċewtika u l-manifattura avvanzata. Dan jirrifletti wkoll il-qabża li se tagħmel l-ekonomija nazzjonali billi tibda toffri karrieri flimkien ma’ impjiegi tradizzjonali. 

Mill-aspett lokali, anke l-Bank Ċentrali ta’ Malta jirrikonoxxi t-tisħiħ u r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija. Tant li applawda l-fatt li pajjiżna żamm ir-ritmu ta’ tkabbir ferm ogħla minn dak li kien qed ikun imbassar. Rata li kompliet tiżboq sew l-andament ekonomiku fiż-żona ewro. 

Fattur ieħor importanti huwa l-fatt li l-inflazzjoni kompliet tonqos minkejja li l-prezzijiet ta’ xi prodotti għolew. 

Punt ieħor li nqisuh importanti huwa s-sussidju li l-Gvern kompla jagħti u b’hekk baqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils stabbli, impenn li nżamm tul dawn l-aħħar snin u mistenni jkompli jinżamm anki għalli ġej. Dan se jkompli jkun ukoll ta’ sostenn għall-familji u n-negozji biex jibqgħu għaddej b’mod normali kif kien sa issa.

Għalhekk, bil-ġid li qed jinħoloq, u anke fid-dawl tal-fatt li l-finanzi pubbliċi huma f’sitwazzjoni sostenibbli, m’għandniex dubju li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jkompli jagħti aktar għajnuna lil dawk kollha li jinħtieguha, kif diġa għamel bil-ħemel ta’ miżuri  soċjali li f’Budget wieħed wara l-ieħor.

Dan għandu jkompli jimlina bil-kuraġġ li l-ġejjieni se jkun sabiħ bil-prospetti ekonomiċi li jidhru li se jibqgħu tajbin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport