Sunday, December 22, 2024

FIDUĊJA FIL-PRODOTT LOKALI MHUX FL-IMNARJA BISS

Aqra wkoll

Illum id-29 ta’ Ġunju f’pajjiżna nfakkru l-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Għal uħud din il-festa għandha sinjifikat reliġjuż, għal oħrajn jippreferu jqisu din il-ġurnata bħala waħda ta’ tgawdija mal-familja u oħrajn li għalihom hija okkażjoni biex joħorġu jiddevertu mal-ħbieb minħabba li hija festa nazzjonali.

Bla dubju li wara sentejn ta’ nuqqas minħabba l-pandemija, il-Buskett mistenni jerġa’ jilqa’ mijiet ta’ persuni li jagħżlu li jiltaqgħu biex igawdu din il-festa qalb in-natura u l-avvenimenti li hemm ippreparati. Nemmnu li din id-darba l-organizzaturi se jkunu qegħdin joħorġu b’rashom mgħollija wara sentejn ta’ nuqqas. Nifhmu li dawn in-nies għalihom m’hemmx mistrieħ. 

Fejn jidħlu annimali m’hemmx dubju li wara s-suċċess tal-AgriFair – meqjusa bħala l-akbar wirja agrikola li qatt ittellgħet f’pajjiżna, din is-sena r-raħħala jaf isibu iżjed kuraġġ biex itellgħu l-bhejjem tagħhom għall-wirja. Sfortunatament din il-wirja tal-bhejjem, b’mod speċjali, il-baqar, in-nagħaġ, il-mogħoż u ż-żwiemel naqsu f’dawn l-aħħar snin meta kkumparati ma’ snin preċedenti. Niftakru żmien fejn qalb konkorrenza akbar, il-pika bejn ir-raħħala li jressqu l-bhejjem tagħhom wasslet biex fil-ġurnata tal-Imnarja l-ammont ta’ bhejjem jibqa’ jikber. 

Minbarra l-wirjiet ta’ sbuħija jkun hemm ukoll esebizzjonijiet tradizzjonali u nemmnu li dawn jeħtieġ li jiġu mbuttati iżjed f’attivitajiet oħrajn fl-irħula minħabba li dawk li jipprattikaw dawn is-snajja’ qegħdin jikbru fl-età mingħajr werrieta interessati fis-sengħa tagħhom. Dan il-ġurnal riċentament tkellem ma’ Ġanni tal-fuħħar li spjegalna li minkejja li għat-turist huwa attrazzjoni ta’ interess kbir, lokalment ma jistax ikampa għax llum il-kompetizzjoni hija kbira. Spjegalna li wliedu tgħallmu l-iskola u b’hekk ma jaqblilhomx li jintefgħu fis-sengħa għax mill-fuħħar bilkemm jitqarbnu.

Tfittxija wkoll għal dimostrazzjonijiet bejn l-antik u l-modern. L-inġenji li kienu jużaw missirijietna kkumparati ma’ makkinarju modern li qiegħed jinxtara bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, it-tqarwiż tan-nagħaġ bil-ġelem u tqarwiż b’sistema ġdida bl-elettriku, il-ħlib bl-idejn u l-ħlib bil-makkinarju etċ.

L-Imnarja hija wkoll il-festa tal-prodotti agrikoli u tfakkarna dwar l-għaraq tal-bidwi lokali li kontra kull element joħroġ biex jieħu ħsieb u jkabbar prodotti lokali u friski. 

Faċli titkellem dwar dan kollu u ħafna aktar però d-dispjaċir jibqa’ wieħed. Il-karba ta’ dawn il-bdiewa u r-raħħala hija waħda sempliċi. Ma jistgħux jiġu apprezzati biss f’dawn l-okkażjonijiet. Il-familji Maltin u Għawdxin m’għandhomx ikunu kburin biss bihom għar-ritratti fuq il-midja soċjali, iżda għandhom joffrulhom il-fiduċja meta jiġu biex jagħmlu l-għażla minn fuq l-ixkafef tal-istabbilimenti tax-xiri tal-ikel.

Ekonomija

Sport