Tuesday, May 14, 2024

“Fiduċja fin-nies li jivvutaw bil-għaqal”… Varat l-islogan tal-ADPD

Aqra wkoll

Illum Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party vara l-islogan u t-temi tal-kampanja elettorali “Xkupa Ħadra Tnaddaf”.

Il-messaġġ tagħhom hu dwar il-ħtieġa ta’ impenn li jirrispetta l-ekoloġija fl-għażliet li nagħmlu kif ukoll dwar tmexxija nadifa. Dwar il-governanza tajba. Dwar l-impatt tan-nuqqas tagħha f’kull qasam tal-amministrazzjoni pubblika.

Cacopardo qal li l-manifest elettorali qed jitħejja u qiegħed fl-aħħar stadji biex ikun ippreżentat u approvat mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit.

Żied jgħid li dan mhuwiex ser ikun manifest ta’ Father Christmas b’wegħdiet individwali li jappellaw lil dawk li jfittxu ser jingħataw. Ser ikunu proposti u wegħdiet li jfittxu l-ġid komuni, li jkollna pajjiż aħjar. Bi tmexxija nadifa. B’istituzzjonijiet li jaħdmu u li fejn hemm bżonn ipoġġu anke lill-Gvern tal-ġurnata f’postu.

Iċ-Chairperson qal li fost l-istituzzjonijiet li jeħtieġu tindifa tajba hemm il-Parlament u l-liġijiet elettorali. Qal ukoll li minkejja li l-liġijiet elettorali huma diskriminatorji fil-konfront tagħhom, għandu fiduċja fin-nies li jivvutaw bil-għaqal.

“Il-partit tagħna jaħdem biss u esklussivament b’għajnuna volontarja. M’għandniex impjegati. Nirċievu ftit donazzjonijiet li tul l-2021 kienu jammontaw għal madwar €2,600. Mhux ser norganizzaw kampanji ta’ ġbir ta’ fondi għax ma irridux li jkun hemm l-iċken forma ta’ pressjoni fuq ħadd. Il-ftit għajnuna li nirċievu hi apprezzata u l-ħidma li aħna nfasslu u nwettqu hi fil-limiti tal-mezzi u r-riżorsi tagħna. Il-partit m’għandux la djun u l-anqas overdrafts. L-anqas ma għandu kumpaniji kummerċjali li jservu ta’ paraventu għal donazzjonijiet illegali”, tenna Cacopardo

Huwa f’dan il-kuntest li nagħtu bidu għal din il-kampanja elettorali.

Sport