Sunday, December 22, 2024

FIDUĊJA FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ B’AMBIZZJONI LI JTEJBU L-POLITIKA TAL-PAJJIŻ

Aqra wkoll

Fi żmien erba’ xhur oħra, il-poplu se jkun qiegħed jerġa’ jieħu sehem fil-proċess demokratiku u jivvota fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Dawn huma elezzjonijiet importanti ferm għal pajjiżna għaliex se jkunu eletti l-Kunsilliera, Viċi Sindki u Sindki fil-lokalitajiet rispettivi kif ukoll il-Membri Parlamentari Ewropej. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur rajna numru sabiħ ta’ kandidati li diġà ħabbru li se jieħdu sehem f’dawn l-elezzjonijiet, ilkoll jagħtu l-ideat u l-perspettivi tagħhom dwar x’jixtiequ jaraw aktar fil-lokalità tagħhom jew inkella meta jiġu biex jirrappreżentaw lil pajjiżna f’istituzzjonijiet oħra.

Iżda fuq kollox qegħdin naraw aktar żgħażagħ jinvolvu ruħhom f’dawn l-elezzjonijiet. Biss biss, minn tagħrif li ngħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello, jirriżulta li fil-preżent, hemm 96 Kunsillier li għandhom inqas minn 35 sena. Dan minnu nnifsu huwa indikattiv ta’ kemm aktar żgħażagħ qegħdin jaraw il-Kunsilli bħala l-ewwel tarġa lejn vjaġġ aktar fil-ħajja politika tagħhom. 

Nemmnu wkoll li ż-żgħażagħ huma s-sinsla ta’ pajjiżna. Għandhom l-enerġija u l-ideat sabiex ikunu proganisti fit-tfassil tal-Malta tal-lum u ta’ għada. U sabiex dan jintlaħaq, iż-żgħażagħ għandhom jingħataw rwol attiv fid-deċiżjonjiet ewlenin li jittieħdu. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, is-soċjetà trid tifhem aktar iż-żgħażagħ għaliex iż-żminijiet u ċ-ċirkostanzi nbidlu u hekk ukoll inbidlu l-bżonnijiet tagħhom.

Tajjeb li ninnutaw li dan ma ngħiduhx biss aħna imma wkoll il-Gvern li qiegħed jagħraf il-potenzjal ta’ dawn iż-żgħażagħ b’ħatriet importanti fi ħdanu msawwar minn dawn l-elementi li semmejna aktar qabel. Fost dawn nistgħu nsemmu s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, li beda bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fl-Imqabba li rawh ukoll jinħatar Sindku b’maġġoranza kbira. Hemm ukoll il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia li l-Prim Ministru għażel li jafda f’dan l-inkarigu importanti bħala rappreżentanta tiegħu f’isem il-Grupp Parlamentari Laburista fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Filwaqt li diġà saru magħrufa numru ta’ kandidati prospettivi għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, nittamaw li naraw aktar żgħażagħ li minkejja li jistgħu jkollhom għadma iebsa minn dawk li diġà qed jissemmew bħala favoriti, jagħmlu kuraġġ li jidħlu għal din l-isfida li tista’ tarahom jirnexxu b’fiduċja mill-elettorat. 

Ekonomija

Sport