Sunday, October 4, 2026
Home Fehmietna L-Ewropa trid terġa’ tiskopri mill-ġdid l-għeruq tagħha

L-Ewropa trid terġa’ tiskopri mill-ġdid l-għeruq tagħha

0
67

Fl-aħħar xhur u anke snin rajna kif il-valuri tal-Unjoni Ewropea kienu qegħdin jiddeterjoraw. Id-dinjità umana, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-prinċipju bażiku li qatt aktar ma jkun hemm gwerer fl-Ewropa.  Illum sfortunatament għandna Unjoni Ewropea li fiha qegħdin naraw dejjem aktar tikber l-iżolazzjoni bbażata fuq l-identità…min fejn ġej, x’razza int.  Illum fl-Ewropa qegħdin naraw dejjem aktar persuni jew gruppi li jiġu esklużi, separati jew imwarrbin minħabba l-identità tagħhom. Dan qed isir abbażi ta’ nazzjonalità,  etniċità, reliġjon, xi drabi linowa, kultura, sess jew orjentazzjoni sesswali, diżabilità, fehmiet jew sfont soċjali.  Prattikament illum qegħdin naraw aktar minn Qabel ir-raġunament “inti differenti minna, għalhekk ma ninkludukx.” 

Għalhekk kien ta’ sodisfazzjon li proprju fi Franza, il-Papa Ljun XIV tkellem ċar kontra l-iżolazzjoniżmu. Kien f’Metz li l-Papa ddefenda l-valuri tal-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija u l-multilateraliżmu li ggwidaw it-twaqqif tal-Unjoni Ewropea. Huwa fakkar ukoll fid-dmir legali li wieħed jgħin u jassisti lill-barranin li qed ifittxu kenn fil-kontinent Ewropew. 

Il-Papa enfasizza l-għaqda fid-diversità. Li l-identità tagħna ma għandhiex tkun ostaklu għad-djalogu ma’ nies li huma differenti minna. Fi kliemu, id-djalogu ma jnaqqasx l-identità tagħna, iżda jiftaħha għad-diversità tal-oħrajn. Enfasizza “Ewropa rikonċiljata, magħquda u b’saħħitha.” 

B’dan id-diskors Papa Ljun XIV kompla irrijafferma il-pożizzjoni ta’ Papa Franġisku.  Hu afferma l-rabta tiegħu  u wera sensittività lejn it-tfittxija għall-identità fost popolazzjonijiet inkwetati minn kriżijiet globali. 

Kif tista’ ma taqbilx ma’ kliem Papa Ljun XIV meta jgħid li “L-Ewropa kontemporanja issa qed tidħol fi stadju ġdid fl-istorja twila tagħha ta’ laqgħat, bil-wasla fil-kontinent ta’ tant irġiel u nisa li qed jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni jew li qed ifittxu ħajja aħjar ’il bogħod mill-faqar u t-tbatija”. 

Jiddikjara li għal dawn il-barranin, “id-dinjità umana titlob mogħdijiet legali u siguri, salvataġġ u assistenza. Li tilqa’ persuna jfisser li tintegrahom qishom parti mill-familja tiegħek stess.” 

U dan hu messaġġ qawwi. Messaġġ li ħafna drabi hu injorat u moħbi mill-politiċi Ewropej. Il-messaġġ iwassal twissija dwar id-dmirijiet ta’ kull individwu, li huma konsegwenza diretta tad-drittijiet ta’ kulħadd.

Prattikament kien messaġġ li sejjaħ lill-Ewropa biex tmur lura għall-valur tagħha, il-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-multilateraliżmu.

U dan meta is-sena 2027 se tkun immarkata minn bosta elezzjonijiet importanti madwar l-Ewropa.  Hu żmien li fih qegħdin naraw il-lemin estrem jerfa rasu. Pajjiżi jarmaw għall-gwerra. Oħrajn b’narrattiva ċara li jimbotta li ninsabu resqin lejn gwerra fl-Ewropa.  Ma’ dan iż-żieda fl-infieq fuq l-armamenti u l-produzzjoni ta’ armamenti ġodda.

Illum hi ċara li r-realiżmu infetta s-sitwazzjoni politika fl-Ewropa. Realiżmu li warrab id-drittijiet. Li ġie jaqa’ u jqum minn dawk fil-bżonn, minn dawk li huma differenti.  Realiżmu li ġie mbuttat minn diversi pajjiżi u politiċi bl-azzjonijiet tagħhom. Illum aktar minn qatt qabel wasal iż-żmien li l-Ewropa tiskopri mill-ġdid l-għeruq tagħha.  

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here