Thursday, April 18, 2024

Fil-Ġappun miljuni mitluba jevakwaw kawża tat-Tifun Nanmadol

Aqra wkoll

It-Tifun Nanmadol, li qed ikun meqjus bħala wieħed mill-ikbar tifuni li qatt ħakem lill-Ġappun, laqat lill-gżira ta’ Kyushu u ġab miegħu riħ b’qawwa ta’ 234 kilometru fis-sigħa. Apparti hekk ċeru żoni esperjenzaw xejn inqas minn 500mm ta’ xita. 

Kawża ta’ dan it-tifun qalil, xejn inqas minn erba’ miljun persuna kienu mitluba biex jevakwaw id-djar tagħhom u dan hekk kif fil-jiem li ġejjin mistenni li jkun hemm iktar għargħar u anke valangi. Dan il-maltemp wassal ukoll biex is-servizzi tal-bullet train, traġitti bil-vapuri u mijiet ta’ titjiriet kellhom jiġu kkanċellati. 

Fuq il-gżira ta’ Kyushu hemm joqogħdu miljuni ta’ persuni. Dawn iż-żoni spiċċaw fuq “allert speċjali” hekk kif l-aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun qalet li din il-parti tal-pajjiż se tkompli tintlaqat minn xita torrenzjali, u riħ qawwi li jista’ jikkawża ħsarat infrastrutturali kbar. 

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida ħeġġeġ lin-nies biex “jevakwaw mingħajr eżitazzjoni jekk jaħsbu li jinsabu fil-periklu.” Ta’ min jgħid li l-Ġappun huwa ppreparat għal avvenimeti estremi ta’ temp bħal dan, iżda x-xjentisti qed jisħqu li t-tibdil fil-klima qiegħed jagħmel dawn il-maltempati ħafna ikbar u iktar qerrieda. 

Ekonomija

Sport