Thursday, April 18, 2024

Ir-Reġina Eliżabetta II tingħata l-aħħar tislima

Aqra wkoll

Ir-Renju Unit u d-dinja taw l-aħħar tislima lir-Reġina Eliżabetta II f’funeral statali li għalih attendew presidenti, rejiet, prinċpijiet u prim ministri minn madwar id-dinja kollha. Għalih attendew ukoll miljuni ta’ persuni li mlew it-toroq ta’ Londra biex jagħtu l-aħħar tislima lir-Reġina li r-renju tagħha ta’ 70 sena ddefinixxa era.

Il-jum huwa wieħed ippakkjat b’avvenimenti marbuta mal-funeral, fejn kollox beda kmieni filgħodu meta il-bibien ta’ Westminiser Hall, fejn kien hemm espost it-tebut tar-Reġina, ingħaqlu. Matul l-aħħar jiem kien hemm għexieren ta’ eluf ta’ persuni li damu sigħat sħaħ fil-kju – fosthom anke matul il-lejl – biex setgħu jagħtu l-aħħar tislima lir-Reġina tant maħbuba. Hu kkalkulat li b’kollox kien hemm 300,000 persuna li żaru Westminister Hall sakemm it-tebut tar-Reġina dam espost u kien hemm persuni li saħansitra damu 17-il siegħa fil-kju.

Dan kien l-ewwel funeral statali ġewwa l-Ingilterra minn żmien Winston Churchill, u kif mistenni huwa wieħed spettakolari. B’kollox kien hemm 142 suldat tar-Royal Navy li mbuttaw il-karru li fuqu kien hemm it-tebut tar-Reġina lejn Westminister Abbey fejn hemm kien hemm preżenti 2,000 persuna li jvarjaw minn mexxejja dinjin, ħaddiema tal-qasam tas-saħħa u voluntiera. Preżenti għall-funeral kien hemm 500 mexxej fosthom il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-First Lady tal-Ukrajna Olena Zelenska. Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kienu qed jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea. Ir-Russja u l-Belarus ma kellhom l-ebda rappreżentati filwaqt li kien innotat in-nuqqas tal-Veneżwela, l-Afganistan u s-Sirja. Il-Prinċep tal-Arabja Sawdija Mohammed bin Salman – li oriġinarjament kien intqal li se jattendi – ma kienx preżenti. Il-Prim Ministru l-ġdid tal-Ingilterra Liz Truss attendiet flimkien mal-eks Prim Ministri John Major, Tony Blair, Gordon Brown, David Cameron, Theresa May u Boris Johnson.

Qabel bdiet iċ-ċerimonja ġewwa Westminister Abbey il-qniepen indaqqu għal 96 darba – biex jissimbolizzaw l-għomor li kellha r-Reġina.

Il-jum kien iddikjarat bħala vaganza pubblika ad unur Eliżabetta II li mietet fit-8 ta’ Settembru u  sa minn kmieni filgħodu mijiet ta’ eluf ta’ persuni marru fiċ-ċentru tal-kapitali Ingliża Londra biex jipparteċipaw f’dan il-jum storiku. L-attendenza kienet waħda kbira ħafna tant li l-awtoritajiet tal-kapitali qalu li ż-żona minn fejn kellu jgħaddi l-funeral kienet mimlija bin-nies sa minn kmieni filgħodu. 

Fil-lejl li għadda, ir-Re Karlu III ħareġ messaġġ li fih irringrazzja lill-poplu tar-Renju Unit u lid-dinja kollha għar-rispett kbir li kien muri f’dawn l-aħħar jiem lejn ir-Reġina. 

Ekonomija

Sport