Wednesday, March 27, 2024

Kumpens ta’ €21,000 lil ħaddiem fuq tkeċċija inġusta mill-impjieg

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali li ta kumpens ta’ €21,000 lil ħaddiem fuq tkeċċija inġusta mill-impjieg. 

Elton John Debono ta’ 44 sena kien ingħata dan il-kumpens f’Ottubru li għadda iżda l-kumpanija Oil Tanking Malta kienet appellat minn din id-deċiżjoni.

Debono kien impjegat bħala operator mal-kumpanija fl-1 ta’ Novembru 2006 fuq bażi full time. Wara proċedura dixxiplinarja, fejn ġie mixli b’insubbordinazzjoni, nuqqas ta’ ottemporanza ma’ policies ta’ sigurtà u allegat theddid tax-shift leader tiegħu, l-impjieg tiegħu ġie terminat b’ittra datata l-11 ta’ Mejju 2017.

It-Tribunal, wara li sema’ l-provi kollha li kienu tressqu quddiemu, kien iddeċieda filwaqt li kien jimmerita li jittieħdu passi dixxiplinarji kontrih, meta jiġi kkunsidrat il-każ kollu d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni ta’ mpjieg kienet waħda ħarxa u l-management seta’ ħa passi dixxiplinarji oħra. Għalhekk iddeċieda li t-terminazzjoni tal-impjieg kienet inġusta. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, qalet li l-kumpanija ntilfet fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha dwar diversi inċidenti li seħħew, iżda jibqa’ l-fatt li s-sottomissjonijiet tagħha jitrattaw il-mertu fejn it-Tribunal kellu d-diskrezzjoni kollha li jagħżel li jiskarta prova minn oħra. 

“Hija tippretendi li hawn it-Tribunal kellu jagħti r-raġuni tiegħu f’kull każ fejn mexa b’dan il-mod, iżda din il-Qorti ma tarax in-neċessità assoluta sakemm il-prova ma tkunx waħda li xxaqleb il-miżien lejn naħa kontra l-oħra, kif fil-fehma tagħha ma jirriżultax f’dan il-każ.”

Il-Qorti tenniet ukoll li ma taqbilx li t-Tribunal ma kien offra l-ebda spjegazzjoni ta’ kif wasal biex illikwida kumpens ta’ €21,000. Dan hekk kif jirriżulta li kien ittieħed kunsiderazzjoni tad-dħul sħiħ ta’ Debono, il-fatt li huwa kien bla xogħol minn Mejju sa Lulju 2017 u r-riperkussjonijiet tat-tkeċċija fuq saħħtu. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-appell tal-kumpanija kien wieħed irritu u null. 

Ekonomija

Sport