L-elezzjoni riesqa fil-Ġermanja taf tkun ħafna aktar importanti milli naħsbu. Ingħidu xi ngħidu, fl-Unjoni Ewropea huma Franza u l-Ġermanja li jiggwidaw id-deċiżjonijiet.
Wara l-maniġġi falluti tal-President Macron, Franza x’aktarx li se tibqa’ fi stat ta’ paraliżi politiku. Se tibqa’ tipprova tiġri ’l quddiem imma tibqa’ fejn hi, bi gvern li m’għandux maġġoranza parlamentari.
Il-Ġermanja allura tieħu rwol dejjem aqwa. Imma liema koalizzjoni se tkun qed tmexxiha? Sakemm jaslu l-elezzjonijiet ta’ Frar, baqa’ żmien biżżejjed biex it-taħwid bejn il-partiti jirranka. L-għażliet kbar tal-Ewropa llum huma l-istess għażliet kbar ta’ quddiem il-Ġermaniżi, fosthom: bejn li jonfqu ħafna aktar fuq il-gwerra jew li jħarsu s-servizzi soċjali tagħhom; bejn li jsostnu l-għajnuna għall-Ukrajna fi gwerra jew li jaħslu idejhom; bejn li jkomplu bil-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima jew jabbandunawha…
Kif se jagħżlu l-Ġermaniżi x’aktarx li se jiddetermina kif se jagħżlu l-Ewropej l-oħra.
BIEDJA
Skont ma nisma’, l-art tal-biedja dejjem tonqos. Mhux dejjem għax jeżistu żviluppaturi bla qalb, determinati li jeqirdu kull biċċa art li tinsab quddiehom ħalli minnha jagħsru profitt. Raġuni oħra hi li familji li minn żmien żemżen ħadmu l-art qed isibu li t-tfal tagħhom, mhumiex lesti jkomplu; jew li d-dħul mill-art mhux irendi aktar; jew minħabba ż-żewġ raġunijiet flimkien.
X’qed isir? – x’jista’ jsir biex dan l-abbandun ta’ art agrikola jitwaqqaf? Qiegħed iwassal biex uħud bdew iqisu li l-art agrikola, minflok tiġi “abbandunata” aħjar tisfa “żviluppata”!!
INFORMAZZJONI
Il-barunijiet dinjija tal-kumnikazzjoni bil-mezzi tal-internet, Musk u Zuckenberg fost oħrajn, approffittaw ruħhom mill-wasla fil-poter ta’ Donald Trump fl-Istati Uniti biex ineħħu s-sorvelja minn fuq kif joperaw in-negozji tagħhom.
Dawn iwasslu l-informazzjoni u l-kuntatti bejn firxiet dejjem usa’ tal-popli tad-dinja. Issa jridu jnaqqsu s-sorvelja fuq l-informazzjoni jew il-misinformazzjoni li jwasslu. Sal-lum aċċettawha, għax ħasbu li ma kellhomx alternattiva. Bil-wasla ta’ Trump iqisu li jistgħu jisfidaw, f’isem dik li jsejħulha l-libertà tal-espressjoni, billi jxandru kull ma jiġi għal idejhom.
Inklużi l-gideb u l-misinformazzjoni. Bl-ebda mod l-Ewropej m’għandhom iħallu dan jiġri, jagħmlu x’jagħmlu l-Istati Uniti. Il-mezzi tal-kumnikazzjuoni globali għandhom responsabbiltà soċjali enormi – li ma jxerrdux id-diżgwid bejn il-ġnus u fi ħdan il-popli. Il-kapitalisti li jmexxuhom ma jinteressahom xejn mill-ħelsien tal-espressjoni. Imma jridu jagħmlu kemm iridu flus la dal-mezz ġie għal idejhom.
Lesti jagħmlu dan anke jekk bil-gideb li jħallu jixxandru fuq il-mezzi tagħhom, jistgħu eventwalment jitilqu kampanji enormi ta’ pogroms kontra l-minoritajiet tad-dinja, mhux biss Għarab u Lhud imma fl-aħħar lil hinn minn hekk. Dil-ħniżrija kapitalista jeħtieġ titrażżan.