Thursday, December 26, 2024

Aġġornat: Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li spara fuq raġel ieħor

Aqra wkoll

Ryan Sultana, li għandu 24 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li spara u weġġa’ raġel ieħor fl-Iklin.

Sultana ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika u li kellu arma regolari iżda ma użax il-liċenzja skont il-liġi.

L-isparatura seħħet ilbieraħ wara nofsinhar u l-allegat vittma, Vincent Xuereb, sofra ġrieħi serji wara li ntlaqat b’tir fi spalltu leminija.

Sultana tressaq il-qorti illum wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq.

Intqal li lbieraħ wara nofsinhar, il-Pulizija daħlilhom rapport li kienet seħħet ħabta bejn żewġ karozzi. Isemma li din il-ħabta wasslet għal argument li eskala tant li allegatament Sultana mar jiġri wara Xuereb u spara fuqu tliet darbiet.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li kien Sultana stess li qallhom li spara fuq il-vittma b’arma tan-nar tiegħu stess. Intqal li Xuereb sofra ġrieħi serji u li fl-isparatura t-tiri ma laqtux organi vitali tal-ġisem. Fil-Qorti ntqal ukoll li l-arma li ntużat kienet dik tal-kaċċa.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arresta iżda din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba biża’ ta’ intraċċ tal-provi u biża’ ta’ reat ieħor. Id-difiża qalet ukoll li Sultana m’għadux jinsab fil-periklu tal-mewt u għad irid jixhed.

Wara li qies iċ-ċirkustanzi kollha, il-Maġistrat Victor Axiaq ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ekonomija

Sport