Saturday, May 4, 2024

Isofri ġrieħi gravi wara li ntlaqat b’tir fi spalltu l-leminija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aggressur arrestat fil-post

Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ sparatura li seħħet aktar kmieni għall-ħabta tal-3:45 p.m fi Triq il-Wied fl-Iklin.

Jidher li fl-imsemmija triq żvolġa argument bejn żewġt irġiel, liema argument eskala u ġew sparati xi tiri.

Skont informazzjoni li għandu Talk.mt jidher li kienet seħħet ħabta bejn Toyota misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Iklin u Peugeot misjuq minn 55 sena residenti n-Naxxar. Dak mill-Iklin kellu arma tan-nar u spara tliet tiri fid-direzzjoni tar-raġel l-ieħor u laqtlu b’tir minnhom fi spalltu l-leminija.

Fil-post issejħet minnufih ambulanza li ħadet lir-raġel midrub lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ta’ natura gravi. L-aggressur ġie arrestat fil-post mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri għadhom għaddejjin.

Sport