Wednesday, March 27, 2024

FIL-KUNSILL TAS-SIGURTÀ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-preżenza ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għandha tagħmel tajjeb kemm lil pajjiżna u kemm, nażżarda nemmen, lill-Kunsill. Lilna tagħmlilna tajjeb għax tagħti opportunità lill-istabbiliment Malti tal-politika barranija biex jevalwa b’mod realistiku u informat xi jkun għaddej fl-aktar ċrieki ristretti u qawwija tal-logħba diplomatika globali. M’aħniex se nkunu nistgħu nibdlu b’xi
mod l-andament ta’ dil-logħba.

Biss, li nifhmu minn ġewwa kif tkun miexja, se tkun esperjenza tal-akbar siwi. Sakemm ma naqgħux għat-tentazzjoni li nisparlaw fil-vojt (li ma naħsibx li se jiġri) anke nkunu nistgħu nagħtu kontribut siewi.

Għax hemm oqsma fejn pajjiż ċkejken newtrali bħal Malta għandu
x’jikkontribwixxi. Billi waqt li jagħraf il-limitazzjonijiet li jġib miegħu ċ-ċokon, xorta jibqa’ ċar dwar l-għażliet tiegħu. Aktar u aktar jekk jagħmel dan f’rispett sħiħ għan-newtralità li jipprofessa. U billi jitkellem u jivvota favur proposti li jressqu lejn id-diskussjoni u l-kompromessi ġusti u realisti f’kwistjonijiet jaħarqu bħal dik tal-gwerra fl-Ukrajna.

TWEMMIN U GWERRA

Nibqa’ niftakar l-isfida li għamlitli persuna (m’inix se nsemmiha): Għidli,
għidli, qalet, meta ġara li xi gwerra ġiet dikjarata f’isem l-atejiżmu u n-nies li ma jemmnux f’xi alla? Mentri kemm gwerer ġew dikjarati f’isem ir-reliġjon?

Terġa’, kompliet, ma tarahiex ftit stramba li f’daqstant gwerer iż-żewġ naħat li qed jitqatlu bejniethom jistqarru kif għandhom warajhom l-appoġġ sħiħ tad-Divinità
li jemmnu fiha? U li fiż-żewġ każi tkun l-istess waħda? Mhijiex stramba dil-biċċa? Anke jekk did-Divinità tista’ tagħmel kollox, kif se jirnexxilha tissodisfa liż-żewġ naħat?

Imbagħad b’kuntrast, ħabib ieħor tiegħi, li hu tassew intiż fid-disputi
teoloġiċi, wissieni: Ma jidhirlekx li dawn il-mistoqsijiet xejn ma jikkonċernaw ir-realtà jew le tal-preżenza Divina imma aktar ta’ kif din titqies fir-realtà umana?Forsi ż-żewġ perspettivi huma validi.

KARNIVAL

Ħaġa tajba li l-Karnival ta’ Malta dis-sena reġa’ kien suċċess. Hemm wisq
tradizzjonijiet li qed jispiċċaw minsija jew “immodernizzati”. Forsi aħjar minsija milli modernizzati għax bl-argument li qed jiġu aġġornati, jispiċċaw żvijati, ġieli għal kollox.

Dan mhux qed jiġri fil-Karnival Malti. Dawk li qed imexxuh qed jaħdmu b’intelliġenża u mingħajr animu partiġġjan. Qed iżommuh ħaj u qawwi, anke wara d-daqqa li qala’ – bħal ma qalgħuh il-Karnivali kollha – bil-pandemija tal-Covid. Intwera li l-ħeġġa u r-rieda għal ħidma hemm għadhom. L-irkupru rnexxa. Il-gvern ta s-sehem tiegħu f’dan.

Jien li m’iniex wieħed li jogħxew bil-Karnival, xorta nqis li din il-ħidma hi
prezzjuża u jixirqilha kull rikonoxximent. J’alla s-suċċess ta’ dis-sena jservi ta’ pedament għall-ħidma tas-snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport