Sunday, December 22, 2024

“Fil-preżent qed infasslu forma għall-futur”

- il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li illum ingħatat bidu għal sena skolastika ġdida, fejn aktar minn 7,700 edukatur fl-iskejjel tal-istat daħlu bi tħejjija għall-ħidma tagħhom tul sena skolastika oħra, il-Gvern se jibqa’ impenjat biex il-preżent jagħtih forma għall-futur. Dan kollu se jsir għall-benefiċċju kemm tal-edukaturi u anke tal-istudenti. 

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, filwaqt li ta merħba lill-edukaturi kollha li għandhom sehem ewlieni fil-perkors edukattiv ta’ wliedna, sostna li dan il-perkors għandu jħares mhux biss lejn suġġetti akkademiċi imma anke lejn il-ħiliet neċessarji biex wieħed jilħaq l-iżvilupp sħiħ tiegħu. 

Waqt li kien qed jagħti l-kummenti tiegħu lil dan is-sit, il-Ministru Grima qal li huwa jħares ‘il quddiem sabiex flimkien bħala komunità naraw li dawn ix-xhur li ġejjin ikunu xhur ta’ ħidma iżda fuq kollox żmien sabiħ għall-edukaturi u għall-istudenti. “Allura minn qalbi rrid ngħid merħba u grazzi lil kulħadd tal-kontribut li se jkunu qegħdin jagħtu,” tenna l-Ministru Grima. 

Intant, mill-Erbgħa se jidħlu wkoll biex jibdew sena skolastika ġdida 28,757 student u studenta mifruxa mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħdax-il sena tas-Sekondarja. 5,942 student fil-livell ta’ Kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fit-2 ta’ Ottubru.

Is-sena skolastika ġdida qed tibda wara sajf sħiħ ta’ preparamenti li jvarjaw minn dawk amministrattivi, akkademiċi u diġitali sa proġetti infrastrutturali u ta’ manutenzjoni. Filwaqt li għal din is-sena skolastika ġew impjegati 275 professjonist ġdid bejn edukaturi, KGE u LSEs, kienu mġedda wkoll 566 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn.

Matul din is-sena skolastika se jkun hemm 2,410 rotta ta’ trasport b’xejn tal-iskejjel, li minnhom 925 huma għal studenti tal-iskejjel tal-Istat. Total ta’ 32,833 student u studenta mil-livell ta’ Kindergarten sas-Sekondarja (13,774 tal-Istat u 19,059 tal-Knisja u Indipendenti) se jgawdu minn dan is-servizz.

Matul is-sajf tlestew 12-il proġett maġġuri ta’ infrastruttura edukattiva mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada b’investiment ta’ €20 miljun filwaqt li hemm 4 proġetti oħrajn li se jkompli għaddej ix-xogħol fuqhom b’investiment ta’ €53 miljun, total ta’ investiment fl-infrastruttura edukattiva ta’ €73 miljun. Dawn huma apparti minn investiment ta’ miljun ewro fuq 514 proġett ieħor ta’ manutenzjoni li sar matul is-sajf mill-ħaddiema tal-Ministeru.

Ekonomija

Sport