Sunday, November 24, 2024

Fil-Qorti bħalissa hemm iktar minn 2,000 każ relatat ma’ vjolenza domestika

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-aktar żvilupp riċenti u importanti fil-prevenzjoni tal-vjolenza domestika huwa l-possibbiltà li persuni f’relazzjoni intima jagħmlu applikazzjoni mal-Pulizija fi ħdan il-Victim Support Agency biex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb/sieħba fil-passat kienux instabu ħatja ta’ vjolenza domestika.

Barra minnhekk, fi żmien li ġej se jibda jopera l-ewwel ċentru li jinkludi uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u professjonisti oħra f’Santa Luċija, filwaqt li jkompli x-xogħol għal ċentru ieħor fit-Tramuntana ta’ Malta.

Dan tħabbar fil-baġit 2024 fejn sar magħruf ukoll li se tkun introdotta għodda ġdida – il-Panic Alarms – appart teknoloġiku li se jintuża minn persuni li possibbilment ikunu vittmi ta’ vjolenza domestika, imqabbad mas-sistema ta’ emerġenza tal-Korp tal-Pulizija għal informazzjoni u azzjoni immedjata. 

Il-vjolenza domestika f’pajjiżna għadha prevalenti. Dan it-tip ta’ abbuż isofruh bl-akbar persentaġġ in-nisa iżda l-vjolenza domestika hija realtà anke ta’ rġiel u tfal. Preżentament minn ċifri ppubblikati, jirriżulta li fil-qrati ta’ Malta hemm aktar minn 2,000 każijiet relatati mal-vjolenza domestika. Għal dawn hemm żewġ maġistrati assenjati – Lara Lanfranco u Abigail Critien. 

Fil-baġit 2024 tħabbru aktar miżuri kontra l-pjaga tal-vjolenza domesika, miżuri li se jtejbu lis-settur tas-sigurtà. Dan is-settur jinkludi wkoll dak tal-ġudikatura, liema Korp illum il-ġurnata huwa l-akbar wieħed li qatt kellna fl-Istorja ta’ pajjiżna.

Fil-baġit, il-Ministru Clyde Caruana ħabbar li sal-aħħar ta’ din is-sena se jiżdiedu ħames imħallfin u sitt maġistrati ġodda. Żied li f’dan is-settur se tkompli għaddejja ħidma, isirru riformi, kif ukoll investiment bla preċedent f’riżorsi umani u fl-infrastruttura kemm dik diġitali u anke fil-bini. 

* Fost diversi miżuri fl-2018 saret riforma fil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vittmi ta’ Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru mar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Għall-ewwel darba fl-2020 din il-Kummissjoni bdiet topera b’Kummissarju full-time. F’dan ir-rwol preżentement għandna lil Samantha Pace Gasan;

* Twaqqaf tal-Gender Based Violence and Domestic Violence Unit fil-Korp tal-Pulizija fejn għall-ewwel darba, vittmi ta’ vjolenza domestika bdew jiġu assistiti minn uffiċjali mħarrġa fil-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru u mhux aktar mill-għassa tad-distrett. Dan sar wara pariri kemm ta‘ esperti nazzjonali, kif ukoll mil-GREVIO. Is-servizz mistenni jibda jingħata f’iktar minn post wieħed;

* Twaqqfet il-Victim Support Agency li nkorporat fiha wkoll il-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll hemm sħubija ma’ diversi entitajiet governattivi oħra biex joffru diversi servizzi lill-vittmi ta’ kriminalità;

* Tingħata assistenza 24 siegħa kuljum lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u l-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż dik legali mill-Aġenzija għall-Għajnuna Legali;

* Waħda mill-ewwel liġijiet f’din il-leġiżlatura kienet dwar l-aggravju ta’ omiċidji li jkunu dikjarati bħala femiċidju;

* Fl-2021 total ta’ 3,295 persuna għamlet użu mis-servizzi differenti disponibbli għal dawk li esperjenzaw vjolenza domestika;

* Meta mqabbel mal-2020 l-għadd ta’ persuni li għamlu użu minn dawn is-servizzi fl-2021 żdiedu bi 13%;

* 79% tal-persuni li għamlu użu mis-servizzi għal dawk imġarrbin mill-vjolenza domestika kienu nisa;

* Matul l-2021, 171 persuna għamlu użu mis-servizz disponibbli għall-agressuri;

* Il-ħaddiema soċjali li jaħdmu ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika jimxu mal-liġijiet ta’ Malta u jsegwu l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

* Dawn jagħmlu użu minn DASH Risk Assessment, isegwu l-policies u l-proċeduri interni tal-Aġenzija u l-Fondazzjoni li jagħmlu parti minnha;

* F’kull każ li jiltaqgħu miegħu jinkoraġixxu lill-vittma biex tagħmel rapport mal-Pulizija fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika;

* Il-ħaddiema soċjali jaħdmu mal-vittma biex jipprovdu support emozzjonali u jressquhom lejn servizzi oħra li jistgħu jgħinuhom.

Sport