Friday, December 13, 2024

Fil-Qorti wara li nstab bid-droga f’lukanda

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod il-Belt tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li kellu ammont ta’ droga u flus kontanti ġo kamra ta’ lukanda f’San Ġiljan.

Lyon Bonnici, li ma jaħdimx, kien mixli li fid-9 ta’ Jannar kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina u l-kannabis liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata mill-Maġistrat Doreen Clarke fi Frar 2019.

L-Ispettur Alfredo Mangion, li investiga l-każ, spjega lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kif il-Pulizija rċeviet rapport dwar aġir suspettuż ta’ raġel fil-lukanda.

Meta marru u daħlu fil-kamra fejn kien qed joqgħod dan ir-raġel sabu lil Bonnici li fuqu kellu ‘pouch’ b’diversi qratas bid-droga u €2,000 fi flus kontanti.

Fl-awla Bonnici wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest li kienet milqugħa taħt diversi kundizzjonijiet.

Fost dawn kien hemm li kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa jrid jiffirma l-għassa tal-Belt, li jkun f’daru bejn it-8.30 p.m. u s-7.30 a.m., li jiddepożita €500 u li jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €4,500.

F’din il-kawża Bonnici għandu jidhru għalih lill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Ekonomija

Sport