Wednesday, April 24, 2024

Film bijografiku dwar Aretha Franklin

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Tmiem il-ġimgħa offrielna sorpriża kbira fil-box office Amerikana.  Il-film animat immirat għat-tfal iż-żgħar, “Paw Patrol: The Movie” kellu dħul ta’ sitt darbiet aktar minn “Reminiscene” li fih jidher Hugh Jackman, meqjus bħala wieħed mill-aktar atturi kariżmatiċi f’Hollywood.  “Paw Patrol: The Movie kellu dħul ta’ $13-il miljun mit-teatri Amerikani u $21.5 miljun oħra minn 33 pajjiż ieħor fejn ħareġ għall-wiri.  Fl-Istati Uniti, 47% kienu tfal u 41% kienu l-ġenituri tagħhom.

“PAW Patrol: The Movie” hu dwar it-tifel Ryder u numru ta’ ġriewi qalbiena li jingħaqdu flimkien biex isalvaw Adventure City minn dak li ried jagħmel is-sindku Humdinger

Sadanittant, “Reminiscence” kellu dħul ta’ $2 miljun biss fil-box office Amerikana li hu meqjus bħala dħul diżastru għall-film li sewa $68 miljun.  Is-sitwazzjoni hi agħar meta tqis li f’48 pajjiż ieħor fejn fetaħ għall-wiri, “Reminiscence” kellu dħul ta $3 miljun biss.

“Free Guy” b’Ryan Reynolds żamm postu fil-quċċata tal-box office Amerikana għat-tieni ġimgħa konsekuttiva b’dħul ta’ $18.8 miljun bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd.  

Fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames post tal-box office Amerikana, wieħed isib: “Jungle Cruise”, “Don’t Breathe 2” u “Respect” rispettivament.

Respect

Għal dan il-film bijografiku dwar ir-Reġina tal-mużika Soul, kienet Aretha Franklin stess li qabel ħallietna fl-2018 għażlet lil Jennifer Hudson sabiex tinterpritha f’dan il-film.  Dan wara li Jennifer Hudson kienet saħħret lil kulħadd bil-vuċi tagħha f’“Dreamgirls” li rajna f’Marzu 2007.  Hudson kienet rebħet Oscar għal din il-parti.

Maħdum taħt id-direzzjoni tad-debuttanta Liesl Tommy, “Respect” (MGM: 12A) hu film bijografiku konvenzjonali, li għandu jgħin lill-udjenza tapprezza u tifhem minn xhix Aretha Franklin kellha tgħaddi fil-ħajja personali u s-suċċessi li għaġnu l-karriera tagħha. Hu ta’ pjaċir tisma’ lil Hudson tkanta l-aqwa suċċessi ta’ Franklin, mill-ewwel kanzunetti jazz li rrekordjat għand il-kumpanija Columbia għal meta ivvintat mill-ġdid il-famuża single li kanta Otis Redding u li l-isem tal-film jirreferi għaliha.  L-interpritazzjoni tal-kanzunetta ‘Respect’ minn Aretha Franklin kellha lirika li toħloq narrattiva differenti minn dik ta’ Otis Redding.  Il-verżjoni ta’ Franklin saret l-innu feminista tas-snin sebgħin.

“Respect” jibda u jispiċċa b’Aretha tkanta fi knisja.  B’dan, id-direttur Liesl Tommy trid twassal il-messaġġ li l-identità mużikali ta’ Aretha Franklin kellha l-għeruq tagħha fil-mod reliġjuż kif trabbiet.  Missierha kien il-predikatur C.L. Franklin (Forest Whitaker).  Ħafna huma tal-fehma li s-suċċess tal-kantanta ġie kristalizzat fil-famuż gospel album “Amazing Grace” li ġie rekordjat fl-1972.

Minkejja li l-films jagħmel referenza għaċ-ċirku ta’ ħbieb influwenti fil-qasam politiku li kellu missierha, fosthom Martin Luther King Jr. (Gilbert Glenn Brown), Sam Cooke (Kelvin Hair) and Dinah Washington Mary J. Blige), il-film joqgħod pass lura milli jidħol fil-kwistjoni tal-politika razzjali ta’ żmienha, speċjalment ma tippragunah ma’ film ieħor bijografiku li ħareġ ftit taż-żmien ilu, “The United States vs. Billie Holiday”.  Dan minkejja li Franklin kienet titkellem favur id-drittijiet tal-Afro-Amerikani, kienet tipparteċipa f’attivitajiet biex jinġabru l-flus għal din il-kawża u f’kull attività li Martin Luther King Jr. kien jitlobha biex tati sehemha.

Reminiscence

Dan il-film romantiku, tal-fantaxjenza u misterjuż jeħodna fil-futur, f’Miami fejn minħabba t-tibdil fil-klima, l-ilma għola ħafna u din il-belt ġiet tixbaħ lil Venezja.

Hugh Jackman għandu l-parti ta’ Nick Bannister, ex-suldat li fetaħ negozju fejn in-nies iħallsu biex jintelqu f’tank tal-privazzjoni sensorjali u waqt li jkunu mitlufa minn sensihom huma jmorru lura għall-memorji tal-passat.  L-implikazzjoni hi, li hekk kif id-dinja tkompli tisħon u l-baħar jkompli jogħla, il-memorji tagħna ta’ żmenijiet aħjar huma l-aqwa ħaġa li jkun fadlilna.

Nick u l-kollega tiegħu Watts (Thandie Newton) jimmonitorjaw dawn il-memorji tal-klijenti u jirrikordjawhom.  

Titfaċċa is-sabiħa u misterjuża Mae (Rebecca Ferguson).  Nick jibda jieħu interess partikoalri fiha u jibda jagħmel kull attentat biex isir jaf il-passat tagħha, inkluż il-konnessjoni mad-droga u pulizija korrotti.  Hawnhekk il-film isir qiesu “Miami Vice” mżewweġ mal-films noir tas-snin 40 u 50 billi jispikkaw ħafna xeni mudlama.  

Nick isir iħobb lil Mae, mara li mgħandha għeruq imkien, b’passat imċajpar imma li daqs kemm tidħol f’malajr f’ħajtu, bl-istess mod jitlifha.  Imma din ix-xrar ta’ mħabba li hu l-qofol tal-film.

Ir-relazzjoni tal-karattru ta’ Hugh Jackman ma’ dak ta’ Rebecca Ferguson hu ferm aktar żviluppat mix-xeni li rajnihom fihom dawn it-tnejn f’“The Greatest Showman.”  Meta Nick imur lura fil-passat ta’ Mae li jeħodna f’New Orleans billi juża il-memorji ta’ nies oħra , Nick  jibda jgħaqqad il-biċċiet u dak li nsiru nafu jaħkimna.

Fuq is-siġġu tad-direzzjoni, kien hemm id-debuttanta Lisa Joy, magħrufa għal fatt li ħolqot is-sensiela popolari ‘Westworld’ flimkien ma’ żewġha Jonathan Nolan”.  Jonathan Nolan hu ħu Christopher Nolan.  Meta ġiet biex taħdem “Reminisence” (Warner Bros. 12A), hi għażlet li taħdem ma’ ħafna mill-kollaboraturi tagħha fis-sensiela biex fuq is-sett kien hemm familjarità billi ħafna kienu jafu lil xulxin.

Sport