Saturday, December 21, 2024

FILMAT: “Li nferraħ lin-nies għalija tfisser kollox”

Aqra wkoll

Bit-talent oriġinali tiegħu li jagħmel il-ħsejjes tal-murtali tal-festa, Joseph Mangion magħruf bħala “l-Kapxi” kiseb popolarità kbira

Minn Claudio Coleiro

Għalkemm it-talent li għandu – dak li jagħmel il-ħsejjes b’ħalqu tal-murtali tal-festa – ġablu popolarità kbira, Joseph Mangion magħruf bħala “l-Kapxi” jgħid li għalih, l-aktar ħaġa importanti hi li jara lil ħaddieħor ferħan u kuntent. Anke meta kien għadu membru fil-Korp tal-Pulizija, dejjem ra kif għamel biex jgħin lin-nies ta’ madwaru u fl-istess ħin inissel tbissima fuq fomm dak li jkun, speċjalment lit-tfal tal-iskola meta fi żmien il-Milied u drabi oħra kien jixtrilhom il-ħelu.

Lil Joseph Mangion rajnieh jipparteċipa fil-Malta’s Got Talent, il-Ħadd li għadda, fejn ħalla lill-ġurija impressjonati bit-talent oriġinali tiegħu waqt li fuq il-midja soċjali kulħadd beda jifraħlu talli rnexxielu jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni.

Fl-aħħar jiem, Inewsmalta għamel kuntatt mas-Sur Mangion għal intervista biex insiru nafuh aktar mill-qrib fejn huwa aċċetta minnufih l-istedina tagħna u stedinna biex nagħmluhielu ġewwa daru stess fil-Belt Valletta.

YouTube video

Hekk kif wasalna fil-post, sibnieh jistenniena fil-bieb ta’ barra u flimkien miegħu dħalna fis-salott fejn beda biex qalilna li f’Novembru li ġej, se jkun qed jagħlaq 63 sena u li huwa miżżewweġ u għandu tliet itfal. Huwa mill-Mosta iżda issa ilu għal dawn l-aħħar 28 sena jgħix il-Belt.

Mitlub jikkummenta dwar ir-rispons li kellu wara l-wirja tiegħu fil-Malta’s Got Talent, Joseph qalilna li baqa’ “impressjonat u mbellah” bl-ammont kbir ta’ messaġġi li rċieva. “Biss biss għamilt sas-siegħa ta’ filgħodu nipprova nwieġeb lil kulħadd. Faqgħuli mobile. Bdejt nirċievi ħafna messaġġi biex jifirħuli,” huwa żied jgħidilna.

Meta staqsejnieh fejn jixtieq jasal f’din il-kompetizzjoni, huwa qalilna li l-fatt li qiegħed jikkompeti u li rnexxielu jasal s’hawn diġa’ kuntent ħafna. Emozzjonat għall-aħħar, Joseph stqarr li meta jara lil ħaddieħor jifraħ, huwa jħossu sodisfatt ħafna u li għalih “din tfisser kollox.”

“Segwejt ħafna minnu l-Malta’s Got Talent u vera għandna talent f’Malta. Meta jkollok talent tiddejjaq xejn turih għax japprezzawk aktar. Jien se nagħmel l-almu tiegħi. It-talent tiegħi huwa uniku għax biex tagħmel dawk il-ħsejjes vera diffiċli. Jekk navvanza jkun tajjeb, jekk ma jirnexxilix ngħid li għandi pjaċir li ħadt sehem fl-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent.”

Filmat li tefa’ fuq Facebook jagħmel il-ħsejjes tal-murtali jikseb popolarità

Imma Joseph kemm ilu jagħmel dawn il-ħsejjes tal-murtali tal-festa? Huwa rrakkontalna li meta kien għadu żgħir kien iħobb jara lil missieru Peppi, magħruf bħala l-Parell, jagħmel il-murtali u minn dakinhar ‘il quddiem baqa’ ffissat fuq in-nar tal-festi.

Jgħdi li meta kien membru fil-Korp tal-Pulizija, lil sħabu kien iħobb jagħmlilhom il-ħsejjes tal-murtali u li sintendi dawn kienu jieħdu ħafna gost bihom. Żied li: “Għadda ż-żmien u darba fost l-oħrajn qiegħed għal kwiet id-dar nieħu drink u bdejt indoqq erba’ marċi tal-festa. Ftakart u għedt ħa nara għadnix naf nagħmilhom. Għedt ħa nitfa’ video fuq Facebook. U ma kienx video!”

“Wara kulħadd ried ikellimni u jsaqsini. Għedtilhom jien qiegħed fil-pulizija ma nistax nagħmel dawn l-affarijiet u minn hemm ħadet il-popolarità. Kien hemm min ġibidli l-attenzjoni u qalli biex nipprovaha fil-Malta’s Got Talent. Provajtha u qed navvanzaw bil-mod.”

Mistoqsi jekk apparti l-murtali tal-festa huwa jafx jagħmel xi ħsejjes oħra, Joseph bi tbissima qalilna li hemm ħsejjes oħra imma mhux dejjem jirnexxielu jagħmilhom.

“Il-festi mmissjajthom wisq”

Lil Joseph staqsejnieh ukoll jekk din is-sena mmissjax il-festi fid-dawl li l-pandemija tal-Covid-19 ħassret tista’ tgħid il-pjani kollha tal-festi f’pajjiżna.

Huwa ddikjara li: “ħassejtni qisni weħed miġnun. Kont immur kull festa. Indurhom kollha. Nara n-nar, niltaqa’ mal-ħbieb u nieħu xi drink. Immissjajthom wisq. Però bl-attitudni tiegħi rnexxieli nżomm il-festi ħajjin u mhux hekk biss… mingħajr periklu ta’ xejn. Għax taħraq u ma tweġġa’ l-ħadd.”

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Joseph xtaq ukoll jgħaddi messaġġ lil dawk li bħalissa jistgħu jkunu għaddejjin minn xi żmien diffiċli, fejn qalilhom biex ma jaqtgħux qalbhom u jagħmlu kuraġġ. “Tkunux negattivi imma ħarsu dejjem ‘il quddiem. Jekk tħarsu ‘l quddiem u taħsbu fit-tajjeb, xi darba t-tajjeb jiġi.”

“In-nies jekk tmur għal għajnhom jirrispettawk”

F’din l-intervista, Joseph tkellem ukoll dwar il-mod tajjeb ħafna li bih intlaqa’ mir-residenti Beltin wara li mar joqgħod il-Belt. Sostna li n-nies, jekk tmur għal għajnhom, jirrispettawk u li f’dawn l-aħħar 28 sena lanqas kellu argument wieħed man-nies tal-lokal.

Żied isemmi kif fiż-żmien li ħadem bħala uffiċjal tal-pulizija fi Pjazza Kastilja huwa għamel ħafna ħbieb. Kull persuna li kienet tgħaddi minn ħdejh fil-ħin ta’ filgħodu kien jgħidilha “Bonġu”, u darba fost oħrajn persuna partikolari marret fuqu u qaltlu li kien biddlilha l-ġurnata għall-aħjar sempliċiment għax qalilha dik il-kelma. Barra minn hekk, fi żmien il-Milied kien dejjem jixtri l-ħelu lit-tfal tal-iskola biex jarahom kuntenti, u kien saħansitra jtihomlhom huwa stess.

Qabel ġejna biex nagħlqu din l-intervista ma stajniex ma nitolbux lil Joseph “jaħraqilna waħda” għall-qarrejja tagħna, u waqt li aċċetta, għamlilna l-Beraq Pront.

Ekonomija

Sport