Friday, December 13, 2024

L-unjins tal-edukaturi jirreaġixxu dwar l-ewwel ġimgħa mill-ftuħ tal-iskejjel

Aqra wkoll

L-MUT u l-UPE mħassba minħabba numru rekord ta’ Covid-19

Minn Carmen Cachia

Hekk kif in-numru tal-każijiet f’pajjiżna qiegħed jiżdied b’rata allarmanti u l-agħar ġranet li qatt kellna tal-pandemija tal-Covid-19 ħabtu proprju fil-ġimgħa li l-istudenti kollha ta’ Malta rritornaw fl-iskejjel, ħafna huma dawk li qegħdin jallarmaw ruħhom u jitolbu lill-Gvern biex jerġa’ jagħlaq l-istituzzjonijiet edukattivi. Fost l-aktar li qegħdin jitolbu biex l-istudenti jerġgħu jaqilbu għat-tagħlim online hija l-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) mentri l-unjin ewlenija tal-edukaturi f’Malta, il-Malta Union of Teachers (MUT), qiegħda tinsisti mal-Gvern biex jieħu miżuri stretti fil-pajjiż biex irażżan il-pandemija jekk irid li t-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-iskejjel.

Inewsmalta bagħat numru ta’ mistoqsijiet lil dawn iż-żewġ unjins b’mod speċifiku l-ewwel domanda indirizzata biss lill-UPE wara li ħarġet stqarrija fejn talbet li jingħalqu l-iskejjel minħabba żieda allarrmanti ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19. 

Il-mistoqsijiet l-oħra kienu dwar x’inhuma jipproponu eżattament bħala tagħlim online jekk jingħalqu l-iskejjel; jekk jaħsbux li dak li sar bejn Marzu u Ġunju kienx effiċjenti biżżejjed biex jilħaq il-livell meħtieġ u lil kulħadd; jekk issa li l-edukaturi ġew imħarrġa fit-tagħlim online, jaħsbux li dan għandu jkun limitat biss għal ftit sigħat kif kien qabel u x’inhuma jipproponu; jagħmlux distinzjoni bejn it-tfal tal-Primarja u dawk tas-Sekondarja; x’qegħdin jipproponu biex jintlaħqu tfal vulnerabbli u dawk bi bżonnijiet speċjali permezz tat-tagħlim online; kif ukoll, jekk f’każ li jmur kollox lura online, jekk l-edukaturi u l-istaff għandhomx xorta jidħlu fl-iskejjel.

L-aħħar mistoqsija li staqsejna kienet dik li issa li t-tfal kollha reġgħu daħlu fl-iskejjel u huma entużjasti, jikkonsidrawx ir-riperkussjonijiet li jista’ jkun hemm għas-saħħa mentali tagħhom u l-lat soċjali ladarba jingħalqu l-iskejjel u l-istudenti jkollhom jerġgħu jingħalqu d-dar bla interazzjoni ma’ sħabhom, fost affarijiet oħra.

Il-President tal-UPE Graham Sansone 

Il-proposti tal-UPE

Il-President tal-UPE, Graham Sansone, qalilna li bħala UPE, huma qegħdin jipproponu li l-għalliema jmorru l-iskola u jagħtu lezzjonijiet online waqt li l-istudenti jkunu d-dar. “Dawk l-istudenti bi bżonnijiet speċjali li ma jistgħux isegwu t-tagħlim online jistgħu jattendu l-iskola u jaħdmu mal-LSE tagħhom f’kamra għalihom. B’dan il-mod id-daqs tal-bubble jonqos drastikament,” spjega Sansone. 

Dwar it-tagħlim online li sar bejn Marzu u Ġunju huwa qal li l-Ministeru ma kienx ippreparat għal sistema kompletament online u li ħafna lokalitajiet għandhom Internet batut. Barra minnhekk, Sansone qal li kien hemm ukoll il-problema li l-għalliema ma kienux imħarrġa biżżejjed biex jużaw ċertu software u li kieku kien hemm investiment fuq din it-tip ta’ teknoloġija mill-Gvern, kieku ma kienx ikun hemm dawn it-tip ta’ problema.

Il-UPE temmen li l-lezzjonijiet online għandhom isiru matul il-ġurnata iżda mhux bl-istess tul tal-lezzjonijiet li normalment isiru fil-klassi u li se jkun hemm bżonn ta’ waqfiet għall-mistrieħ frekwenti bil-għan li t-tfal jikkonċentraw aħjar. L-istudenti tas-Sekondarja jistgħu jimxu fuq l-istess mudell imma jmorru fil-binja tal-iskola għal-lezzjonijiet tal-prattika bħalma jsir fil-każ tal-LSE.

Rigward is-saħħa mentali tat-tfal u jekk humiex jaraw riperkussjonijiet jekk jerġgħu jingħalqu l-iskejjel, Sansone qal li l-istudenti bħalissa qegħdin iħossu tensjoni kbira minħabba li jridu jimxu mal-protokolli. “It-tfal mhumiex igawdu mit-tagħlim wiċċ imb’wiċċ minħabba li huma mbeżża’ li hemm periklu li jimirdu u għalhekk it-tagħlim online jkun aktar effiċjenti biex il-lezzjoni tinftiehem aħjar u fl-istess ħin b’mod sigur,” temm il-President tal-UPE.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici

“Twaħħlux fl-edukaturi”

Min-naħa l-oħra l-MUT qalet li dwar l-online hemm ħafna li qiegħed jintqal. “Ħafna huwa minnu bir-raġun u ħafna wkoll b’dispjaċir għax m’huwiex veritier. Li l-ġenituri jistennew li l-Gvern, jew lill-Knisja, jipprovdu edukazzjoni lil uliedhom l-MUT tistenniha, tapprezzaha u saħansitra tinkoraġġiha,” spjega l-President tal-MUT, Marco Bonnici. 

Huwa qal li l-problemi iżda jibdew meta jiġu mgħollija l-aspettattivi u wieħed jingħata x’jifhem li se jkun hemm servizz online għat-tfal li ma jmorrux skola fl-istess ħin waqt li l-iskejjel huma miftuħa. Bonnici sostna li, “huwa ċar li dan is-servizz qatt ma eżista u li l-workforce attwali m’hiex biżżejjed biex dan isir. L-uniku servizz online li l-gvern ħa ħsieb huwa dak ta’ Teleskola, li waqa’ tard ukoll mill-Ministeru. Għaldaqstant l-MUT ma tistax taċċetta li l-Gvern jew li l-iskejjel tal-Knisja jwaħħlu fl-edukatur jew fil-union tagħhom jekk huma, bħala employer u service provider, ma ħadux ħsieb li jkun hemm sistema aċċettabbli biex jaħdmu l-online u l-iskola fiżika fl-istess ħin”.

Rigward tfal vulnerabbli l-MUT qalet li għamlet proposta lill-Gvern għal skola virtwali u qiegħda tittamma li tiġi mħabbra dalwaqt u tibda topera mill-aktar fis. Hawn l-istess, xtaqu li l-Gvern joħroġ b’idea bħal din f’Mejju jew Ġunju li għadda u mhux issa. Din il-unjin sostniet imma li dan ma seħħx u kellha tidħol fiha hija biex l-affarijiet jimxu f’dan ir-rigward.

L-MUT qalet li qiegħda tinsisti mal-Gvern biex jittieħdu miżuri ulterjuri stretti fil-pajjiż kollu flimkien ma’ infurzar li jwasslu għal trażżin tal-pandemija għax temmen li dawn huma l-uniċi mezzi jekk il-Gvern irid li l-edukazzjoni tibqa’ tingħata fl-iskejjel. 

“L-esperti qaluha kemm-il darba li l-pandemija ġabet lill-gvernijiet tal-pajjiżi f’sitwazzjoni li jridu jagħżlu bejn l-intratteniment jew l-edukazzjoni. Sfortunatament il-Gvern Malti jrid jagħmel l-istess għażla wkoll. Kif diġà għidna, is-service provider tal-iskejjel huwa l-Gvern u huwa jrid jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. U issa l-waqt li jittieħdu – illum qabel għada,” żied Bonnici.

Rigward riperkussjonijiet ta’ saħħa mentali u l-lat soċjali jekk l-iskejjel jerġgħu jagħlqu, l-MUT se tħalli f’idejn l-awtoritajiet tas-saħħa, li huma l-esperti, biex jiddeċiedu dwar ir-riskji tal-pandemija. Biss l-MUT qiegħda tagħmel minn kollox biex issemma’ leħen l-edukaturi u l-problemi tagħhom ħalli tkun ċerta li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu saru bil-konsapevolezza li l-awtoritajiet jafu x’qiegħed jiġri fl-iskejjel.

Ekonomija

Sport