Wednesday, April 24, 2024

FILMAT: “Waqt il-pandemija ħarġet ir-reżiljenza tal-akbar għaqda tal-ħaddiema, il-GWU”

Aqra wkoll

Il-GWU tiċċelebra s-77 sena mit-twaqqif tagħha

YouTube video

Il-General Workers’ Union illum qiegħda tiċċelebra s-77 sena mit-twaqqif tagħha. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19, iċ-ċerimonja li ssir ta’ kull sena fuq il-monument tal-ħaddiem fl-Imsida din id-darba kienet waħda differenti fejn attenda s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u f’isem l-uffiċjali kollha tal-unjin poġġa bukkett tal-fjuri f’riġlejn il-monument.

F’diskors li għamel, Bugeja enfasizza li dan huwa żmien diffiċli, ta’ sofferenza u inċertezza kbira għall-ħaddiema kollha madwar id-dinja. Minkejja dan, f’għeluq is-77 sena mit-twaqqif tal-akbar għaqda tal-ħaddiema, il-GWU xorta waħda ħasset li kellha tiċċelebra dak kollu miksub matul iż-żmien iżda wkoll tħares lejn il-futur.

“Futur ta’ dinja ġdida tax-xogħol li tkun tippremja l-bżulija u jirbaħ fiha kulħadd – is-soċjetà, l-ħaddiema u min iħaddem. Il-proposti li ressaqna bħala GWU għall-baġit li jmiss huwa sostenn biex dak li għaddejjin minnu bħalissa ma nerġgħu ngħaddu qatt iżjed,” tenna Bugeja. 

Semma kif il-GWU ressqet proposti biex il-ħaddiema u min iħaddem flimkien jaħdmu u joħolqu dinja ġdida, remota, li fiha jirbaħ kulħadd. Huwa rrefera għall-proposta tal-GWU li permezz tagħha n-negozju privat jimmaniġġja r-riskju tiegħu u tal-impjegati waqt kriżi jew pandemija.

Il-proposta tikkonsisti f’obbligu permezz ta’ liġi fejn in-negozju privat irid jassigura li jkopri 75% tal-paga medja f’dak il-post tax-xogħol partikolari. Din ir-regola għandha tkun tgħodd għal kull post tax-xogħol u għal kull ħaddiem.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU enfasizza wkoll li waqt il-pandemija ħarġet ir-reżiljenza tal-akbar għaqda tal-ħaddiema, il-GWU. “Rappreżentanti, shop stewards, segretarji u amministrazzjoni ħadmu u għadhom qed jaħdmu biex jagħtu l-aqwa servizz lill-membri u lill-ħaddiema kollha. Kulħadd jaħdem b’għan wieħed flimkien ma’ min iħaddem biex jinstabu soluzzjonijiet għal din il-kriżi. Ta’ dan ngħid grazzi lill-uffiċjali kollha tal-ħidma tagħhom,” qal Bugeja.

Huwa temm jgħid li “l-viżjoni tagħna tal-ħajja wara l-pandemija, hija waħda li dak li ma kellniex il-kuraġġ nagħmlu matul is-snin issa huwa l-waqt li nagħmluh. Dan nagħmluh ilkoll flimkien bi djalogu soċjali qawwi kemm fuq livell nazzjonali u anke fuq livell Ewropew biex dak li nħloqna għalih nibqgħu nħaddnhuh u nibqgħu nemmnu fih, li l-ħaddiem jibqa’ jiġi l-ewwel u qabel kollox.” 

Sport