Saturday, April 27, 2024

Finanzjament għen fl-effiċjenza ta’ kumpanija fil-ġarr tal-merkanzija

Aqra wkoll

Il-kumpanija C&C Express, li hi kumpanija bi snin ta’ esperjenza fil-ġarr tal-merkanzija u loġistika, implimentat proġett parzjalment kofinanzjat minn fondi Ewropej, li permezz tiegħu żiedet l-effiċjenza ta’ kuljum tal-operat tagħha. Permezz ta’ dawn il-fondi l-kumpanija qed tespandi l-firxa ta’ servizzi tagħha u saret aktar reżiljenti biex tiffaċċja sfidi ġodda fl-industrija fis-snin li ġejjin.

Permezz ta’ dan il-proġett, C&C Express Ltd, investit f’Dual X Ray Machine, sistema ta’ conveyor u magna EDT, li permezz tagħhom qed timminimizza ħafna l-ħin tat-tqandil u l-ipproċessar manwali, biex tqassar il-ħinijiet tal-kunsinja, u biex iżżid il-cut-off time. Dan il-proġett se jippermetti wkoll lill-kumpanija tipprovdi servizzi ġodda, bħall-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi u vjaġġi b’temperatura kkontrollata.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri qal li permezz tal-fondi Ewropej qed ngħinu lill-industrija timxi aktar lejn id-diġitalizzazzjoni u l-awtomazzjoni. “It-teknoloġija u l-innovazzjoni qed jgħinu u jiffaċilitaw il-ħajja f’setturi ekonomiċi diversi. Permezz tat-teknoloġija nistgħu nżidu l-effiċjenza u nkabbru l-produttività tagħna bħala pajjiż”, qal il-Ministru Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li din il-kumpanija hija prova ċara ta’ kif il-fondi Ewropej qegħdin iwettqu differenza pożittiva u tanġibbli fl-operat tal-benefiċjarji tagħhom. “Kif spjegawlna d-diretturi ta’ din il-kumpanija stess, l-għajnuna finanzjarja pprovduta mill-iskema Business Enhance, tathom il-kuraġġ biex jagħmlu il-bidliet meħtieġa, bidliet li aħna bħala gvern ninkoraġġixxu lin-negozji biex jagħmlu. Ninkuraġġuwhom għaliex b’hekk jiżdied ix-xogħol u jiżdied il-ġid u l-ekonomija tibqa’ miexja ’l quddiem.”

Sport