Saturday, May 4, 2024

Atletika: Janet Richard, Jared Micallef jirbħu t-titlu ta’ Atleti tas-Sena

Aqra wkoll

Janet Richard u Jared Micallef rebħu l-unur prestiġjuż ta’ Atleti tas-Sena hekk kif ġew ippremjati minn Athletics Malta wara numru ta’ riżultati prestiġjużi għalihom u għal pajjiżhom.

Janet Richard żammet dan l-unur għat-tielet darba konsekuttiva, bi staġun ieħor ta’ suċċessi li laħaq l-apiċi tiegħu waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’pajjiżna aktar kmieni din is-sena. Hija temmet ġimgħa mill-aqwa għaliha u għal Malta bir-rebħ ta’ erba’ midalji. Fuq livell individwali hija rebħet id-deheb fl-400m u bronż fuq il-200m, filwaqt li bħala parti mit-tim nazzjonali tar-relay hija kisbet deheb fil-4 x 100 u fidda fil-4 x 400. Ftit ġimgħat wara, hija kisbet tieni post prestiġuż fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet fil-Polonja fejn waqqfet rekord nazzjonali ġdid fuq l-400m.

Jared Micallef ukoll rebaħ midalja tad-deheb fil-GSSE b’rebħa f’tellieqa spettakolari tat-800m fil-Marsa u kiseb ukoll bronż fl-1500m. Micallef tejjeb ir-rekord nazzjonali tat-800m b’prestazzjoni eċċellenti f’Karlsruhe, Ġermanja, b’ħin ta’ 1:46.50.

Ir-rebbieħa l-oħra tal-kategorija open huma Luke Bezzina u Janet Richard (Sprint), Ian Paul Grech u Claire Azzopardi (Qbiż), Bradley Mifsud u Joanne Mifsud Vella (Tfigħ), Luke Micallef u Rosalie Borg (Hurdles u Steeplechase), Jared Micallef u Gina McNamara (Distanza Medja) u Jordan Gusman u Lisa Marie Bezzina (Distanza Twila).

Rachid Chouhal u Antonella Chouhal rebħu t-titlu ta’ Atleti tas-Sena fil-Kategorija Masters.

Athletics Malta ppremjat ukoll l-aqwa atleti fil-kategoriji rispettivi tal-etajiet differenti fost iż-żgħażagħ u r-rebbieħa tal-kampjonat tar-Road Running.

F’dan tal-aħħar, Lisa Marie Bezzina rebħet il-league tan-nisa, quddiem Roberta Schembri u Joelle Cortis, filwaqt li Dillon Cassar rebaħ il-kampjonat tal-irġiel quddiem Luke Micallef u Simon Spiteri. Fit-timijiet, Pembroke Athleta rebħu t-titlu tan-nisa u Mellieħa AC dak tal-irġiel.

Sport