Saturday, December 21, 2024

Fitch jgħidu li l-ekonomija Maltija se tikber b’5.7 fil-mija

Aqra wkoll

L-ekonomija u s-sitwazzjoni f’pajjiżna kompliet tingħata ratings tajbin mill-aġenzija ta’ kreditu u dan hekk kif ilbieraħ l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings mill-ġdid reġgħet ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna.

Fir-rapport dettaljat u analitiku tagħha, Fitch qiegħda tbassar li l-ekonomija Maltija se tibqa’ għaddejja b’saħħitha. Filfatt il-previżjoni ta’ Fitch huma li l-ekonomija Maltija se tikber bir-rata ta’ 5.7 fil-mija.

Jekk wieħed iqabbel dan mat-tkabbir tal-pajjiżi fiż-żona Ewro, wieħed isib li t-tkabbir f’Malta se jkun ferm u ferm aktar minn dak taż-żona Ewro fejn il-medja se tkun ta’ 0.8 fil-mija. Fl-istess waqt irrivediet ‘lfuq it-tkabbir mbassar għall-2025 u l-2026, b’4.3 fil-mija u 4.1 fil-mija rispettivament.

Fitch qiegħda tgħid b’mod ċar li t-tkabbir ekonomiku li se jkollu pajjiżna se jseħħ l-aktar għall-kontribuzzjonijiet mill-qasam tas-servizzi finanzjarji u t-turiżmu. Tgħid li l-wasliet tat-turisti qabżu l-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Ma’ jistax jonqos li r-rapport ta’ Fitch jitkellem u janalizza l-iżbilanċ finanzjarju fil-finanzi pubbliċi. Fi kliemha stess, l-iżbilanċ finanzjarju għal din is-sena se jilħaq 4 fil-mija. Tgħid iżda li dan imbagħad mistenni jinżel għall-3.5 fis-sena is-sena d-dieħla u 3 fil-mija fis-sena 2026.

Issemmi li l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv li l-Kummissjoni Ewropea fetħet fil-konfront ta’ Malta u qalet li l-Gvern wiegħed li jniżżel id-dejn taħt is-60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross biex id-defiċit jilħaq it-3 fil-mija.

Dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna tgħid li dan hu b’saħħtu u qed tbassar li livell tal-qgħad jibqa’ qrib it-3.2 fil-mija. Jekk wieħed ikollu jikkompara dan mal-medja fl-Unjoni Ewropa ta’ li hi 6.5 fil-mija, isib li r-rata ta’ pajjiżna hi n-nofs. Titkellem dwar l-isfidi li Malta mistennija tiffaċċja fis-suq tax-xogħol u tgħid li din hi marbuta man-nuqqas ta’ ħiliet.

Fattur li titkellem dwaru Fitch u li ilu jiġi diskuss u li dwaru anke intbagħtu messaġġi lill-Malta mill-Kummissjoni Ewropea huma is-sussidji tal-enerġija. Fitch titkellem dwar riskji marbutin mas-sussidji tal-enerġija minħabba l-fatt li huma marbutin direttament mas-suq internazzjonali.

Il-Prim Ministru Robert Ablea ikkummenta fuq dak li qalet Fitch u qal li Malta rċeviet rating ieħor ta’ A+ minn Fitch minħabba l-momentum ekonomiku qawwi. Innotat li tkabbir proġettat huwa ta’ seba’ darbiet aktar mill-medja taż-żona Ewro. Dr Abela qal li dan se jippermetti biex ikomplu jonqsu t-taxxi u jinżamm is-sussidju fuq l-enerġija waqt li jonqos id-defiċit.

Ekonomija

Sport