Saturday, November 23, 2024

F’KONTROLL

Aqra wkoll

L-aħħar żviluppi fit-taqtigħa dinjija kontra l-Covid-19 qed iqanqlu inkwiet li jmur lil hinn mil-biża’ tagħna lkoll li ninqabdu bl-imxija.

Tajjeb jew ħażin tgħallimna li x-xjenza hi għodda li fassal il-bniedem biex jikkontrolla l-ambjent li jinsab fih. L-arja, il-baħar, l-art saru joffru faċilitajiet ġodda biex l-umanità tgħix aħjar. L-istess xjenza baqgħet tipprovdi mezzi aqwa kif il-mard jitrażżan. Qatt qabel, il-bniedem ma ħassu daqstant f’kontroll tad-destin tiegħu.

Jista’ jkun li l-istorja tal-imxija qed timmina dil-fehma fost ħafna. Il-fehmiet esperti dwar xi jrid isir u ma jsirx biex l-pandemija tixxejjen qed ikollhom jiġu aġġornati malajr malajr waqt li minflok tirtira, l-Covid 19 qed issib kif tavvanza.

Biex tagħqad, jitqajmu suspetti ta’ konfoffi moħbija bejn xjenzati, politiċi u interessi ewlenin tan-negozju.

Allura jikber ukoll il-biża’ li m’aħniex aktar tassew f’kontroll tal-ambjent li jdawwarna.

L-IMĠIBA TA’ ĦADDIEĦOR

Bl-aktar mod naturali, waqt li nitkażaw u nitregħxu bl-imġiba ta’ ħaddieħor, naraw kif se ninjoraw jew niskużaw l-imġiba ta’ ħbieb, alleati jew forzi politiċi li naqblu magħhom.

Dil-ħaġa ma tiġrix fiċ-ċokon tagħha, f’Malta biss, imma ssibha kullimkien. Mhux l-anqas fil-mod kif fil-politika internazzjonali jissenslu d-disputi, ukoll bejn il-potenzi l-kbar. Hemm ironija kbira fil-mod kif pereżempju, l-Istati Uniti u l-alleati tagħha “tal-punent” idawru l-kanuni tagħhom kontra ċ-Ċina minħabba t-trattament tagħha tal-poplu Ujghur.

Issa – ma rridx niftiehem ħażin – żgur ma naqbilx ma’ dat-trattament. Imma hekk kif tiftakar fil-ġenoċidji li l-istess potenzi wettqu fl-istorja anke riċenti tagħhom (l-Amerikani fuq l-“Indjani” indiġeni tal-kontinent Amerikan, il-Brittaniċi fl-Awstralja u l-Kanada fost oħrajn, il-Franċiżi fl-Afrika…), ikollok tiftakar ukoll fil-proverbju: biex tiskonġra trid tkun pur.

L-EDUKAZZJONI

Awguri lill-ministru tal-edukazzjoni l-ġdid Clifton Grima għalkemm il-ħatra tiegħu mhijiex waħda faċli u għal din il-leġislatura ma tistax tkun twila. Qed jiret dekasteru tal-aqwa importanza għall-pajjiż li minkejja r-relazzjonijiet publiċi dwaru hu mgħobbi b’ħafna problemi – u mhux biss minħabba l-pandemija, li għeżżitu. 

Il-fatt li f’temp ta’ tliet snin se jiġi li kellna 4 ministri differenti tal-edukazzjoni mhuwiex fattur li jgħin biex jiġu riżolti dilemmi tat-tul. 

In-nefqa kbira rikorrenti u kapitali li ssir fl-edukazzjoni qed tiġi indirizzata b’mod effettiv? L-aħjar personnel qed jiġi attirat lejn is-settur edukattiv? Il-unjins se jsibu bilanċ tajjeb bejn li jkunu difensuri tad-drittijiet ekonomiċi tal-għalliema u protagonisti fit-twettiq ta’ prattika edukattiva aħjar? Fuq kollox kif se negħlbu darba għal dejjem il-pjaga li Malta għadha bl-ogħla rata fl-Ewropa ta’ studenti li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva? 

AWGURI

L-isbaħ xewqat għas-Sena l-Ġdida 2022 lill-editur, l-istaff u l-qarrejja ta’ Talk.mt.

Sport