Wednesday, April 24, 2024

Il-gvern tal-Belġju kellu jreġġa’ lura miżuri ta’ restrizzjonijiet fil-qasam kulturali

Aqra wkoll

Il-gvern tal-Belġju se jkollu jreġġa’ lura ċeru restrizzjonijiet tal-Covid-19 wara li l-Kunsill tal-Istat qal li dawn ma kellhomx biżżejjed raġunijiet validi warajhom. Ir-restrizzjonijiet kienu jittrattaw miżuri imposti fuq it-teatri u ċentri kulturali madwar il-pajjiż. 

Ir-restrizzjonijiet il-ġodda, li kienu ddaħħlu nhar il-Ħadd, kienu jgħidu li swali taċ-ċinema, swali tal-kunċerti u ċentri tal-arti se jiġu magħlqin. Uħud minn dawn il-postijiet kienu baqgħu miftuħin bi protesta. Il-gvern kien ħareġ l-ordni minkejja li l-kumitat xjentifiku li qiegħed jagħti l-pariri lill-gvern kien qallu li postijiet bħal dawn mhumiex qed iżidu r-riskju tat-tixrid tal-virus. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, fi proċedura ta’ emerġenza mill-Kunsill tal-Istat ġie deċiż li r-restrizzjonijiet dwar it-teatri “mhumiex proporzonati” hekk kif ma hemm l-ebda evidenza li turi li ċ-ċentri kulturali qed ikunu ta’ periklu għas-saħħa pubblika. Dan kollu beda wara protesta li għamel membru wieħed ta’ kumpanija ta’ produzzjonijiet teatrali fejn kien appella kontra d-deċiżjoni tal-gvern u ried illi reċta li kienet se tittella’ fl-aħħar tas-sena ssir kif skedat. Din il-protesta spiċċat biex kellha effett fuq is-settur kulturali kollu.

Il-Kunsill tal-Istat huwa qafas konsultattiv li għandu s-saħħa legali li jbiddel deċiżjonijiet tal-gvern li jkunu kkunsidrati li jmorru kontra l-liġi.

Sport