Saturday, December 28, 2024

Fl-2023 Malta mistenni li jkollha t-tieni l-akbar tkabbir fl-UE

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li għas-sena d-dieħla Malta se jkollha t-tieni l-ikbar tkabbir ekonomiku u t-tieni l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-figuri ħarġu mit-tbassir li l-istess Kummissjoni Ewropea għamlet għar-rebbiegħa. 

Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela kkummenta li Malta se tkompli miexja fit-triq tat-tkabbir minkejja d-diffikultajiet li għaddejja minnhom l-Ewropa partikolarment bil-gwerra fl-Ukrajna. Huwa qal li l-Gvern jinsab kommess li jkompli jsostni dan it-tkabbir filwaqt li jħares il-benesseri tal-familji Maltin. 

Mir-rapport tal-KE, ħareġ li l-ekonomija Malta għal din is-sena se tikber b’4.2% filwaqt li għas-sena d-dieħla, it-tkabbir se jilħaq l-4%. Dan filwaqt li se tkun qed tilqa’ għall-impatt b’riżultat taż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti u l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. 

Il-fatturi ewlenin li se jsostnu dan it-tkabbir huma d-domanda domestika robusta u t-tkabbir fl-esportazzjoni tas-servizzi, ikkontribwit minn irkupru qawwi fit-turiżmu. 

Dwar l-FATF, il-Kummissjoni Ewropea nnutat li fi Frar li għadda, Malta kienet lestiet sostanzjalment il-pjan ta’ azzjoni mogħti lilha fil-livell tekniku. Id-deċiżjoni finali mistenni li tittieħed f’Ġunju li ġej. 

Il-KE qalet ukoll li Malta rnexxielha tilqa’ għall-impatt tal-pandemija fuq is-suq tax-xogħol grazzi għall-miżuri li ddaħħlu ta’ appoġġ. Qed ikun imbassar ukoll li se jkun hemm tkabbir fl-impjiegi għaż-żmien li ġej. 

Ġie nnutat ukoll li r-rata ta’ inflazzjoni baqgħet waħda baxxa fl-2021. Dan kien dovut għall-fatt li nżammu baxxi l-prezzijiet tal-enerġija b’riżultat tal-interventi tal-Gvern u d-deċiżjoni li jsir hedging għall-gass. 

Iż-żieda fir-rata ta’ inflazzjoni fl-ewwel kwart ta’ din is-sena turi li l-pressjoni internazzjonali ta’ żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti qed taffettwa lil Malta permezz ta’ spejjeż ta’ trasport u prodotti importati. 

B’riżultat ta’ dan l-inflazzjoni mistennija titla’ għal 4.5% fl-2022. Fid-dawl li dawn il-fatturi huma mistennija li jippersistu fl-2023, l-inflazzjoni mistenni li tibqa’ fil-livell ta’ 2.6%. 

Min-naħa l-oħra, id-defiċit tal-Gvern huwa stmat li niżel għal 8% tal-Prodott Domestiku Gross fl-2021. Dan qed ikun mbassar li se jonqos għal 5.6% fl-2022 u 4.6% fl-2023. 

Ekonomija

Sport