Fl-2025: 3,843 persuna rrapportaw li għaddew minn vjolenza domestika jew użaw servizzi li hemm fʼdan il-qasam

Aqra wkoll

Fl-2025, 3,843 persuna rrapportaw li ġarrbu vjolenza domestika jew li għamlu użu mis-servizzi li hemm f’dan il-qasam, li minnhom 74.0 fil-mija kienu nisa. 

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-parti l-kbira tagħhom (55.4 fil-mija) użaw xi servizz minnhom, kien xʼkien, darba biss, 23.8 fil-mija użaw servizz wieħed jew aktar għal darbtejn, u 20.8 fil-mija użaw servizz wieħed jew aktar għal tliet darbiet jew aktar. 45.9 fil-mija tan-nisa użaw servizz minnhom, kien xʼkien, aktar minn darba, meta mqabblin ma’ 40.9 fil-mija tal-irġiel.

Fl-2025, kienu rreġistrati bʼkollox 6,946 każ mal-entitajiet varji li jagħtu s-servizzi lill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika. Fl-2025, bħas-snin taʼ qabel, is-servizzi ewlenin użati mill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika kienu t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika (DVU) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ (2,913-il każ reġistrat) u l-Korp tal-Pulizija, li rċieva 2,357 rapport fis-sena taʼ riferenza. 

Id-distrett tan-Nofsinhar tal-Port irreġistra l-akbar użu tas-servizzi offruti mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, bi 11.7-il utent tas-servizz mara għal kull 1,000 resident mara u bi 2.8 utenti tas-servizz irġiel għal kull 1,000 resident raġel. Dan id-distrett irreġistra wkoll l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika mal-Korp tal-Pulizija, b’9.4 rapporti minn nisa għal kull 1,000 resident mara u bi 3.3 rapporti minn irġiel għal kull 1,000 resident raġel. 

B’kuntrast, id-distrett t’Għawdex u Kemmuna rrapporta l-iżgħar rati ta’ dawk li jużaw is-servizz tal-Aġenzija Appoġġ għal kull 1,000 resident. Kemm id-distrett t’Għawdex u Kemmuna kif ukoll id-distrett tat-Tramuntana tal-Port kellhom l-aktar rati baxxi ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika rreġistrati mal-Korp tal-Pulizija għal kull 1,000 resident.

Fl-2025, 28.5 fil-mija tal-każijiet kollha rreġistrati mas-servizzi varji kienu jinvolvu persuni li kellhom bejn it-30 u d-39 sena, filwaqt li 24.1 fil-mija tal-każijiet kienu jinvolvu persuni taʼ 50 sena u aktar.

Il-biċċa l-kbira jew 82.0 fil-mija, kienu jinvolvu persuni taʼ nazzjonalità Maltija. Is-servizzi bl-akbar għadd taʼ utenti barranin kienu x-xelters tal-vjolenza domestika bi 42.1 fil-mija, u Victim Support Malta bʼ24.2 fil-mija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport