Fl-2025 kważi familja kuljum saret sid ta’ darha permezz tal-iskemi tal-Awtorità tad-Djar

Aqra wkoll

Matul is-sena 2025, kważi familja kuljum saret sid ta’ darha permezz tal-iskemi tal-Awtorità  tad-Djar. Dawn l-iskemi huma mibnija fuq tliet għanijiet ewlenin: li jsaħħu s-sjieda tad-djar f’pajjiżna, inaqqsu l-piż tal-kera fuq dawk li jikru u jtejbu l-kwalità u l-adegwatezza tad-djar li fihom jgħixu l-familji.

Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati waqt laqgħa bejn il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici, is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara u t-tmexxija tal-Awtorità tad-Djar, li din is-sena qed tfakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Matul il-laqgħa ġew diskussi l-kisbiet tal-Awtorità matul l-2025 kif riflessi fir-Rapport Annwali tagħha, filwaqt li ġie ppreżentat ukoll il-Pjan Strateġiku għall-perjodu 2027–2029.

Fl-2025, l-Awtorità tad-Djar għenet aktar minn 15,200 familja permezz ta’ investiment ta’ €50 miljun. Minn dawn, 339 familja ngħataw l-appoġġ meħtieġ biex isiru sidien ta’ darhom.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dawn ir-riżultati juru kif il-politika tal-Gvern fil-qasam tal-akkomodazzjoni qed tkompli tagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies.

“Meta kważi familja kuljum tkun qed tilħaq il-ħolma li ssir sid ta’ darha, inkunu qed naraw ir-riżultat ta’ politika li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha. L-akkomodazzjoni mhijiex biss saqaf fuq ras il-familji, iżda pedament ta’ sigurtà, dinjità u kwalità ta’ ħajja aħjar. Se nkomplu ninvestu sabiex aktar persuni jkollhom l-opportunità li jibnu futur stabbli għalihom u għall-familji tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li -Awtorità qed tinbidel minn entità li tirreaġixxi għall-isfidi għal waħda li tantiċipahom. “Permezz ta’ investiment fit-teknoloġija, ir-riċerka u sistemi aktar intelliġenti, qed noħolqu organizzazzjoni b’aġilità li kapaċi tipprovdi soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-lum u tipprepara għar-realtajiet ta’ għada. Dan kollu biex noffru servizzi aktar effiċjenti, aktar moderni u dejjem aktar qrib in-nies.”

Ir-Rapport Annwali jenfasizza wkoll titjib sinifikanti f’oqsma oħra tal-ħidma tal-Awtorità. It-trasformazzjoni diġitali wasslet għal servizzi aktar effiċjenti u għal tnaqqis sostanzjali fil-ħinijiet ta’ stennija, bil-ħin medju tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-Iskema tal-Benefiċċju tal-Kera jonqos minn 69 jum għal 23 jum.

Fl-istess waqt, investiment ta’ aktar minn €4.2 miljun wassal għar-riġenerazzjoni ta’ 79 blokk residenzjali, l-installazzjoni ta’ 42 lift ġdid u 1,207 intervent ta’ manutenzjoni u tiswija. L-Awtorità kompliet ukoll twessa’ s-servizzi tagħha lejn il-persuni l-aktar vulnerabbli permezz ta’ kważi 1,000 assessjar mit-tim tal-ħaddiema soċjali, programm estensiv ta’ outreach u kollaborazzjoni ma’ NGOs u gruppi fil-komunità. Barra minn hekk, kompliet tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex tiffaċilita r-reintegrazzjoni ta’ persuni li joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u introduċiet miżuri ġodda biex issaħħaħ l-appoġġ lil persuni li jkunu qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.

L-Awtorità qed tħares ukoll lejn il-futur permezz tal-Pjan Strateġiku 2027–2029, li jistabbilixxi viżjoni għal Awtorità dejjem aktar moderna, innovattiva u qrib in-nies.

Sal-2028, il-mira hija li l-Awtorità ssir kompletament paperless, b’portal wieħed għall-iskemi kollha, proċessi aktar effiċjenti u netwerk ta’ ċentri reġjonali madwar Malta u Għawdex biex is-servizzi jkomplu jersqu aktar lejn il-komunitajiet.

Il-pjan jinkludi wkoll investimenti fis-sostenibbiltà u fl-effiċjenza enerġetika tal-akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll użu aktar mifrux tal-Intelliġenza Artifiċjali biex jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u jitjiebu s-servizzi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport