IL-BILANĊ TAL-ISPAZJI PUBBLIĊI

Aqra wkoll

Bħal ma’ jaf kulħadd, is-sigriet ta’ kollox fil-ħajja huwa l-bilanċ. Dan kemm fl-istil ta’ ħajja li ngħixu, il-mod kif naħsbu u anke kif nagixxu. Il-bilanċ, jew almenu l-għajta għalih, qiegħed jissemma’ f’diversi kwistjonijiet ta’ kuljum. 

Issa li ninsabu fl-istaġun tas-sajf, xi ħaġa li ta’ spiss jitkellmu fuqha, hija l-kwistjoni tal-armar ta’ umbrelel u deckchairs fil-bajjiet pubbliċi u dik tal-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankini u l-pjazez tagħna.

Din is-sitwazzjoni ġġib bosta fehmiet differenti. Ninnutaw li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed jiżdied l-armar fil-bajjiet u fit-toroq tant li l-ispazju pubbliku u l-aċċess tnaqqru. Għalhekk nistaqsu, kemm fil-verità nafu nżommuh dan l-imbierek bilanċ?

Din is-sitwazzjoni mhiex sostenibbli. Ma jistax ikun li minkejja li l-Gvern joħroġ konċessjonijiet speċifiċi ta’ fejn, kemm u min jista’ jarma deckchairs, umbrellel, siġġijiet u mwejjed, dawn ma jiġux rispettati. 

Nemmnu li dak li huwa pubbliku għandu jibqa’ pubbliku. Naqblu wkoll li min huwa kapaċi jagħti servizz tajjeb u konformi, xieraq li jaħdem. Dan għax is-servizz huwa komdu u fl-istess ħin kulħadd irid jaqla’ lira. 

Naqblu mal-għajta kemm tal-pubbliku, tal-għaqdiet ambjentali u anke tal-Gvern hija dik li nsibu l-bilanċ bejn is-servizz li jieħu l-ispazju u l-ispazju għall-pubbliku biex igawdi dak li huwa tiegħu.

Idealment din il-mira niksbuha mingħajr il-ħtieġa ta’ spezzjonijiet, azzjoni u multi. Dan għax nemmnu li l-edukazzjoni u r-rispett huma biżżejjed biex iwassluna li fl-aħħar naslu għal dan il-bilanċ. Bilanċ li żgur se jwassal għat-tgawdija ta’ kulħadd.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport