Fl-aħħar 3 xhur kien hemm żieda ta’ 34 vettura kuljum 

Aqra wkoll

Fl-aħħar tlett xhur ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ 3,086 karozza meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena li għaddiet.

Sa tmiem Ġunju li għadda, fit-toroq Maltin kien hawn 463,734 vettura. Dan intqal fi stqarrija li ħareġ l-uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-vetturi liċenzjati li hawn f’pajjiżna.

L-NSO tirraporta li minn dan l-għadd, 73.1 fil-mija kienu karrozzi tal-passiġġieri, 14.3 fil-mija kienu vetturi kummerċjali jew agrikoli u 12.0 fil-mija kienu muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika, scooters li jaħdmu bl-elettriku, muturi b’erba’ roti, u ATVs. 

Ix-xarabanks u l-minibuses ammontaw għal anqas minn wieħed fil-mija. Fit-tliet xhur mitqiesa fʼdin l-istqarrija, l-istokk tal-vetturi lliċenzjati żdied bʼrata medja netta taʼ 34 vettura kuljum.

Vetturi li ngħataw liċenzja ġdida

L-NSO jirraporta wkoll li fil-perjodu msemmi, 7,237 vettura ngħataw liċenzja ġdida. Il-maġġoranza tagħhom, 4,206 jew 58.1 fil-mija tat-total, kienu karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom ġew il-muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika bʼ2,070 jew 28.6 fil-mija. 

Il-vetturi ‘ġodda’ li ngħataw liċenzja ġdida laħqu l-4,415 jew 61.0 fil-mija tal-għadd sħiħ, mentri l-vetturi ‘użati’ li ngħataw liċenzja ġdida kienu jgħoddu 2,822 jew 39.0 fil-mija. Medja taʼ 80 vettura ngħataw liċenzja ġdida kuljum fit-tieni kwart tal-2026.

Vetturi bʼrestrizzjoni

Tul it-tieni kwart tal-2026, kien hemm 6,398 vettura li tneħħew mit-triq minħabba xi restrizzjoni. Fosthom, 39.7 fil-mija kienu skrappjati u 38.8 fil-mija kienu ggaraxxjati. 

L-għadd taʼ vetturi li kellhom ir-restrizzjonijiet imtemmin fl-istess żmien laħaq l-2,520. Il-biċċa l-kbira tagħhom kienu ggaraxxjati – 53.0 fil-mija – jew inbiegħu mill-ġdid – 46.1 fil-mija.

Għamla taʼ magna

Fl-aħħar taʼ Ġunju 2026, 268,836 jew 58.0 fil-mija tal-l-istokk tal-vetturi bil-liċenzja kienu jaħdmu bʼmagni petrol. Il-vetturi li jaħdmu bʼmagni diżil kienu jammontaw għal 155,294 jew 33.5 fil-mija tat-total. 

Vetturi li jaħdmu bʼmagni tal-elettriku u plug-in hybrid kienu jġibu 5.1 fil-mija tal-istokk kollu u kienu jgħoddu 23,854 vettura. Meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel, żidiet taʼ 9.3 fil-mija, 6.0 fil-mija u 5.8 fil-mija kienu rreġistrati fl-għadd taʼ vetturi plug-in hybrid li jaħdmu bid-diżil u l-elettriku, vetturi mild hybrid li jaħdmu bil-petrol u l-elettriku u vetturi plug-in hybrid li jaħdmu bil-petrol u l-elettriku, rispettivament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport