Ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’Malta żdiedet għal 2.1% f’Lulju, minn 2% fix-xahar ta’ qabel. Dan tħabbar minn figuri li ġew ippubblikati mill-eurostat.
L-ogħla żieda fil-prezzijiet kienet fil-qasam tal-kura personali, ħarsien soċjali u prodotti u servizzi oħra, b’inflazzjoni ta’ 3.7%.
Warajhom kien hemm ir-ristoranti u l-akkomodazzjoni b’rata ta’ 3.3%. L-ogħla kontribut għaż-żieda fl-inflazzjoni ġie propju minn dan is-settur, minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti.
Żidiet oħra kienu rreġistrati fil-prezzijiet tal-laħam u fis-servizzi ta’ manutenzjoni tad-dar.
Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-ħwejjeġ u ż-żraben naqsu b’3.6%, filwaqt li dawk relatati mal-informazzjoni u l-komunikazzjoni naqsu b’1.6%.
Ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta kienet 0.8 punti perċentwali inqas minn dik taż-żona tal-ewro, li f’Lulju kienet ta’ 2.9%.
