IL-KOLLETTIV JILQA’ L-EMENDI GĦAL-LIĠIJIET TAL-IPPJANAR

Nistennew li l-Oppożizzjoni tivvota favur ir-regoli l-ġodda u li l-PA tinforzahom

Aqra wkoll

Il-Kollettiv laqa’ b’sodisfazzjon l-emendi għal-Liġijiet dwar l-Ippjanar li għadhom kif ġew ippreżentati mill-Gvern, u li għandhom l-għan li jissospendu x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sakemm jintemm il-proċess tal-appell.

“Kuntenti li l-pożizzjoni li ħadna sa mill-bidu nett, jiġifieri li r-residenti għandhom jingħataw id-dritt  jappellaw qabel ma jibda jinbena sit, ġiet ikkonfermata mill-Gvern innifsu. Is-sospensjoni tax-xogħlijiet taħt appell huwa prinċipju tal-ġustizzja, simili għal dak li jiġri f’oqsma oħra barra mill-ippjanar.”

Il-Kollettiv jistenna li l-emendi jgħaddu mill-Parlament mingħajr xkiel, u li l-Oppożizzjoni għandha tagħti sinjal ċar u ssostni l-appoġġ li tat għall-protesti tas-sena li għaddiet billi tivvota favur l-ewwel riforma tal-ippjanar li tagħti aktar drittijiet lir-residenti.

“Madankollu, is-saħħa ta’ kwalunkwe liġi tiddependi fuq is-saħħa tal-awtoritajiet li jinfurzawha. Nistennew li l-PA tinforza s-sospensjoni tax-xogħlijiet permezz tal-bosta mezzi li tagħtiha l-liġi, inkluż is-sekwestru ta’ siti ta’ kostruzzjoni illegali.”

Il-grupp jinnota wkoll b’sodisfazzjon li l-persunal legali involut fit-tfassil ta’ dawn il-liġijiet ma jinkludux lill-awtur tal-Abbozzi 143 u 144, li wasslu għal rabja kbira matul is-sena li għaddiet.

“Minkejja l-pressjonijiet mill-Malta Developers Association u l-kampanja tagħha bbażata fuq l-miżinformazzjoni u allegazzjonijiet fantażjużi diretti lejn bosta individwi fis-soċjetà ċivili, il-fatti kif ġraw juru li l-isforzi tagħna biex nirrappreżentaw lill-gruppi tar-residenti kienu ferm iżjed siewja.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport