Il-Pulizija b’appell dwar SMSs qarrieqa

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar jiem, il-Korp tal-Pulizija rċieva ammont sostanzjali ta’ rapporti minn individwi li sfaw vittmi ta’ messaġġi (SMSs) qarrieqa, bil-konsegwenza li ġew misruqin flus mill-kont bankarju tagħhom.

Dawn il-messaġġi qegħdin jintbagħtu f’isem L-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana (MTCA) u jagħtu l-impressjoni li min irċevihom huwa intitolat għal xi refużjoni fuq it-taxxa, billi jagħfas fuq ħolqa (link).

Appena wieħed jagħfas fuq il-link, il-vittmi jiġu preżentati b’sit elettroniku falz li jimita dak tal-MTCA u jintalbu jdaħħlu d-dettalji tal-karta tal-kreditu biex jieħdu lura din is-suppost refużjoni. Madanakollu kif wieħed idaħħal dawn id-dettalji jkun qed jagħti aċċess lill-frodisti għall-kont bankarju, bil-konsegewenza li jitteħdulhom ammonti varji ta’ flus mill-kont bankarju tagħhom.

L-appell tagħna jibqa’ li wieħed qatt ma għandu jagħti d-dettalji personali jew bankarji meta jirċievi dawn it-tip ta’ messaġġi. Jekk wieħed jiġi fid-dubju għandu dejjem jiċċekja l-awtentiċità billi jikkuntattja lill-entità li tkun imniżżla li qed tibgħat l-imsemmi messaġġ.

Il-Korp tal-Pulizija jitlob l-għajnuna tal-mezzi tax-xandir sabiex jgħinna nwasslu dan l-appell, sabiex nipprevjenu li jkun hemm iżjed vittmi ta’ din l-iscam.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport